Budget 2021 Ekonomija Lokali

Budget 2021: Net TV b’servizz estensiv dwar il-Budget fis-sena tal-Covid-19

Il-Minisru tal-Finanzi jpoġġi d-dokument tal-budget fil-famuża bagalja

Wara li ftit tal-ħin ilu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta d-dokument tal-budget lill-President ta’ Malta George Vella, fi ftit tal-ħin ieħor huwa se jkun qed jippreżenta l-pjan finanzjarju tal-Gvern għas-sena d-dieħla.

Net TV se jkun qed iwasslilkom servizz estensiv permezz ta’ programm speċjali Net Live li jibda eżatt wara l-aħbarijiet tas-6.00pm u li jibqa’ sejjer sa tard filgħaxija.

Filwaqt li se jkun qed jixxandar id-diskors tal-budget, se jkun hemm ukoll kummentarju live b’esperti fil-qasam finanzjarju waqt l-istess budget li se jkunu qed jispjegaw dak li jkun qed jingħad

Wara l-budget tixxandar il-Press Conference tal-Partit Nazzjonalista fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jagħti l-ewwel reazzjonijiet għall-budget li jkun għadu kemm ġie ppreżentat biex imbagħad, wara, Net Live ikompli bl-ewwel reazzjonijiet ukoll tal-korpi kostitwiti u l-unions.

Dan hu budget fi żmien staordinarju u għaldaqstant hemm ħafna stennija biex tkun magħrufa l’viżjoni li għandu l-Gvern sabiex jerġa jagħti nifs lill-familji Maltin u Għawdxin li qed jiffaċċjaw sfidi mhux żgħar.

JP Fabri, ekonomista li tkellem ftit qabel id-diskors tal-budget qal li dan huwa budget li hemm stennija kbira għalih għaliex kulħadd qed jistenna kif dan il-pjan tal-Gvern se jkun qed jagħti impetus ġdid lill-ekonomija.

Hu spjega li l-kunċett tad-defiċit mhux importanti daqs kemm li wieħed jara fejn qed jintefqu l-flus.

Fabri qal ukoll li l-ekonomija Maltija kienet bdiet tbatti lejn l-aħħar tal-2019, u allura l-pandemija kompliet kabbret din il-kriżi ekonomika li kienet diġa bdiet tinħass. L-ekonomista qal li l-Gvern jeħtieġ inaqqas sfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà bħal sfidi soċjali, inkluż il-faqar u l-problema ta’ perċenwal baxx ta’ nies li jkomplu jistudjaw.

Hu saħaq li għandna nużaw din il-panedmija biex nindirizzqw sfidi li dejjem kelna u li għad ikollna.