Fl-ewwel reazzjoni għall-Budget 2021, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan ma kienx budget normali, u żgur li mhux budget li kuntenti narawh ikun PR exercise għall-Gvern tal-ġurnata, bħalma kien matul l-aħħar ftit snin.
Bernard Grech qal li faċli tħares lejn il-miżuri li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi u tgħid li dawn huma denji għall-ġurnata tal-lum. Però fis-sitwazzjoni bla preċedent li ninsabu fiha, dan hu baġit li sfortunatament nesa għada. Nesa jindirizza l-problemi li ninsabu fihom u dawk li ser niffaċċjaw b’mod qawwi fil-futur immedjat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fil-budget hemm proposti li huma pożittivi u oħrajn li ġew irriċiklati minn snin tal-imgħoddi, però għandna Gvern li qed jibża’ jiffaċċja r-realtà. Ir-realtà ta’ settur tas-saħħa u dak tat-turiżmu, li għal Robert Abela kien kollox business as usual. Realtà tal-qagħda finanzjarja li eluf ta’ familji qed jiffaċċjaw, intesiet. Realtà li l-inċertezza li nħolqot minħabba l-mismanagement tal-Prim Ministru qed tinħeba taħt it-tapit.
Ma smajna xejn fuq kif se jiġu indirizzati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fid-dawl ta’ dak kollu li sirna nafu fuq il-kuntratt korrott tal-Electrogas, kompla jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Ma smajna xejn fuq kif se ngħinu 83,000 persuna f’riskju kbir ta’ faqar. Ma smajna xejn fuq pjan olistiku biex in-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu jlaħħqu mal-isfidi li għandhom, u ma smajna xejn fuq Għawdex, kompla jgħid Bernard Grech.
Dan huwa budget li jinsa l-ġejjieni. Budget li jippjana għal-lum, imma jinsa għada.
Bernard Grech saħaq li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni u tmexxija serja. Huwa qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, diġà beda u ser ikompli jħabbar miżuri konkreti – mhux kliem fieragħ – li għandu bżonn pajjiżna f’dan il-mument.
//= $special ?>