“Evidentalment dan huwa budget ta’ Gvern illi għajja. Budget li ma jaħsibx għal għada. Gvern bla pjan fit-tul illi ma fhemx li s-sitwazzjoni fil-pajjiż illum hija kawża ta’ tmexxija ta’ xejn mhu xejn ta’ Robert Abela.” – Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li l-Gvern preżenta l-Budget għas-sena d-dieħla.
Bernard Grech saħaq li qed ngħixu fi żmien strordinarju u wieħed kien jistenna miżuri straordinarji imma minflokk dan kien eżerċizzju ta’ riċiklaġġ ta’ snin ilu, nuqqas ta’ ideat u kreattivia, nuqqas ta’ aspirazzjoni biex il-pajjiż jagħmel qabża fil-kwalità.
Il-Kap tal-PN saħaq li dan kien budget bi proposti intiżi b’effet immedjat mingħajr ma jindirizza problemi fit-tul li pandemija bħal din invetabbli li ġġib. Hu saħaq li Robert Abela iktar moħħu fl-elezzjoni milli li jsaħħaħ l-ekonomija bi pjan konkret biex jevita’ li l-ekonomija tidħol fi kriżi.
Bernard Grech fakkar kif dan il-budget isemmi numru ta’ mizuri li ppropona l-PN, “Aħna rridu ekonomija li taħdem għan-nies. La dan mhux jagħmlu l-Gvern se nkunu qed nagħmluh aħna. Il-Gvern kellu jserraħ moħħ il-Maltin li huma inwetati bil-pandemija, kellu jippreżenta proposti ta’ kif se jwaqqaf l-imxija, kellu jserraħ moħħ il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur l-iktar milqut mill-COVID.”
Bernard Grech saħaq li fil-budget ma rajna ebda traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u fil-prezzijiet tal-fjuwils. Hu saħaq li l-Gvern nesa lill-frontliners, lill-ghalliema, lis-sidien tan-negozju. Dan filwaqt li ma serraħx moħħ l-anzjani li jinsabu inkwetati bil-pandemija. Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela nesa jsemmi kif se jerġa’ jgħolli isem Malta wara sensiela ta’ kazi ta’ korruzzjoni. “Gvern inkompetenti u falla hekk kif sab il-mewġ quddiemu. Se jwettaq re-shuffle 10 xhur wara l-aħħar waħda li għamel. Pajjiżna għandu bżonn serjetà u galbu fit-tmexxija. Għandu bżonn tama li jista’ jtieħ biss il-PN li kull meta ġie fdat fit-tmexxija tal-pajjiż dejjem għollih ‘l fuq u saħħaħ l-ekonomija ta’ pajjizna.”
Bernard Grech saħaq li l-iktar pozittiv tal-budget kien frott ħidma tal-PN li daħħal lill-pajjiżna fl-Unjoni Ewropea li permezz tagħha se nġibu fondi bżonnjużi.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-viċi kapijiet tal-PN David Agius u Robert Arrigo, flimkien mad-deputati Robert Cutajar, Mario de Marco, Claudio Grech u Kristy Debono.
//= $special ?>