Budget 2021 Ekonomija Kummerċ Lokali

“Bżonn ta’ aktar inċentivi tat-taxxi biex ikun hemm investimenti ġodda” – Malta Chamber of SMEs

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tisħaq  għal inċentivi b’saħħithom fil-kuntest tal-kundizzjoni deliktata li ħafna intrapriżi jinsabu fiha bħalissa.

L-inċentivi tat-taxxa u t-tnaqqis tar-rati tal-VAT  kienu jgħinu biex iżidu l-abilità li n-negozji jinvestu. Il-pass li ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħadu u li tinsab nieqsa mill-Baġit ta’ pajjiżna għall-2021. Min-naħa l-oħra, il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tinnota b’mod pożittiv li t-threshold għall-eżenzjoni mit-taxxa żdiedet minn €20,000 għal €30,000.

Pilastru ieħor importanti fl-investiment huma l-banek. Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji temmen li l-banek għadhom mhux qed ikunu l-protagonisti kif mistenni jkunu fis-sitwazzjoni preżenti. Il-banek għandhom ixammru l-kmiem u jaraw kif in-negozji jsalvaw u jkunu l-katalisti għall-investiment. In-negozji sikwit qed jirrapurtaw nuqqas ta’ appoġġ mill-banek.

Fuq l-istess livell tal-proposti tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, il-Baġit għall-2021 ser jinċentiva l-investimenti biex jgħin negozji jagħmlu t-trasformazzjonijiet diġitali u sostenibbli. In-negozji qed jingħataw direzzjoni biex jirriġeneraw il-mudell tan-negozju u jinvestu b’mod qawwi fl-għodda diġitali.

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tilqa’ b’mod pożittiv li numru ta’ proposti tagħha jinsabu fil-Baġit għas-sena d-dieħla u tilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-iktar inċentivi importanti għall-Covid-19.

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tilqa’ l-estensjoni tal-wage supplement, kif propost, sal-aħħar ta’ Marzu li ġej. Tinnota wkoll li issa se jkun hemm sistema aktar ġusta li tiġi adottata u li tiżgura li l-intrapriżi kollha li għandhom bżonn l-għajnuna se jirċievu din l-assistenza. Żvilupp pożittiv ieħor se jkun il-possibilità li jiġu inklużi impjegati ġodda fl-assistenza tal-Gvern, xi ħaġa li kienet qed tikkawża diffikultajiet prattiċi kbar lis-sidien tan-negozji.

Miżura pożittiva oħra hija li l-Gvern se joħroġ sett ġdid ta’ vawċers. Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tapprezza li s-sett li jmiss tal-vawċers se jkun mqassma b’mod aktar ġust bejn is-setturi, li hija proposta oħra li ġiet mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji u li ser titwettaq. Din il-miżura tkun essenzjali biex tistimula l-konsum b’effett immedjat biex tiggarantixxi l-aħjar riżultat possibbli fiż-żmien li ġej, li hu l-aktar perjodu importanti għall-ħafna setturi.

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji  se tkompli toffri għajnuna u sapport lill-membri tagħha u taħdem id f’id mal-Gvern bil-għan li tiżgura u tissalvagwardja l-għajxien tal-membri tagħha u tal-impjegati tagħhom.

Ikkummenta