Internazzjonali

Ċipru: Ersin Tatar jirbaħ il-Presidenza tas-settur amministrat mit-Torok

Il-kandidat nazzjonalist tal-lemin, Ersin Tatar – sostenitur kbir tat-Turkija – rebaħ l-elezzjoni għall-Presidenza tas-settur ta’ Ċipru li ilu taħt amministrazzjoni Torka min-nofs is-snin sebgħin.

Ersin Tatar irid li Ċipru, membru tal-Unjoni Ewropea,  jinqasam f’żewġ Stati separati u rnexxielu jissorprendi lil kulħadd b’rebħa ta’ kważi 52 fil-mija tal-vot Ċiprijott-Tork.

Il-vot tal-Ħadd kien it-tieni rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali wara li Tatar kien kiseb 32 fil-mija tal-appoġġ fl-ewwel rawnd tal-11 ta’ Ottubru – kontra t-30 fil-mija għal Mustafa Akinci, li qed jispiċċa minn President Ċiprijott-Tork.

Ċipru, fil-fatt, ilu kostitwit minn entitajiet rivali mill-1974, meta t-Turkija invadiet it-Tramuntana tal-gżira bi tweġiba għal kolp ta’ stat fallut miċ-Ċiprijotti li riedu għaqda mal-Greċja.

Intant, Akinci, kien qed jissielet għar-reunifikazzjoni ta’ Ċipru wara daqstant snin ta’ diżgwid. Dan meta terz ta’ Ċipru, effettivament, hu mmexxi minn Gvern Tork Ċiprijott – biż-żewġ-terzi l-oħra tal-gżira jkunu kontrollati mill-Gvern Ċiprijott-Grieg li hu rikonoxxut mill-komunità internazzjonali.

L-hekk-imsejħa Repubblika Torka tat-Tramuntana ta’ Ċipru – li għandha popolazzjoni ta’ madwar 300,000 – hi rikonoxxuta biss mit-Turkija, Dan meta l-kumplament tad-dinja tqis lil dan is-settur bħala parti minn Ċipru.

Sadanittant, il-partitarji ta’ Ersin Tatar iċċelebraw bil-kbir ir-rebħa tiegħu, bl-ewwel messaġġ ta’ kongratulazzjoni jasal mingħand il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, li kien sostenitur kontinwu ta’ Ttar waqt il-kampanja elettorali tiegħu. Erdogan qal li t-Turkija, issa, se tkompli tagħmel li tista’ ‘biex tipproteġi d-drittijiet tal-poplu Ċiprijott-Tork’.

Fl-ewwel diskors wara r-rebħa, Ersin Tatar qal li ‘iċ-Ċiprijotti-Torok ħaqqhom is-sovranità u l-ħelsien meta huma qegħin jissieltu għall-eżistenza fi ħdan ir-Repubblika Ċiprijotta tat-Tramuntana’.

Mill-banda l-oħra ir-riżultat tal-elezzjoni qed jiġġenera tħassib fi ħdan il-Gvern Ċiprijott ibbażat f’Nikosija.

Dan wara li Mustafa Akinci – tul il-kampanja – akkuża lit-Turkija diversi drabi dwar ‘indħil sfaċċat’ f’din l-elezzjoni, u meta Ankara ‘kompliet turi biċ-ċar il-preferenzi għal Ersin Tatar’.

Filwaqt li ammetta t-telfa, Akinci, li qed itemm karriera politika ta’ 45 sena, insista li l-proċess elettorali għaċ-Ċiprijotti-Torok ‘ma kienx wieħed normali’.