Coronavirus Internazzjonali

Covid-19: Pariġi u bliet oħra fi Franza jsibu l-ħemda tal-lejl

L-Ewropa l-epiċentru ta’ din il-mewġa tal-Coronavirus

Is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija, it-toroq f’Pariġi u tmint ibliet oħra Franċiżi, inkluż Marsilja, Lyon u Lille kienu siekta u vojta għal kollox hekk kif il-Gvern Franċiż introduċa miżura li permezz tagħha l-pubbliku jrid jibqa’ ġewwa.

Din il-miżura kontroversjali hija mmirata biex trażżan ir-rata ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19 dan hekk kif fl-aħħar jiem kien hemm żieda qawwija fi Franza u f’għadd ta’ pajjiżi oħra Ewropej inkluż Malta.

Jekk wieħed ma jobdix u jikser din ir-regola jista’ jeħel multa ta’ €135.

Madwar 20 miljun Franċiż intlaqtu mill-miżura li żżommhom ġewwa mal-lejl. Din mistennija tibqa’ fis-seħħ għal xahar sħiħ u l-pubbliku ntalab jibqa’ ġewwa bejn id-9pm u s-6am.

Il-President Emmanuel Macron qal li dawn il-curfews huma meħtieġa biex ikun evitat ir-riskju li l-isptarijiet jiġu miżgħuda mill-ġdid bil-każijiet ta’ pazjenti li jeħtieġu kura minħabba l-imxija tal-Covid-19.