Sport Waterpolo

Dejjem ridt nieqaf meta xtaqt jien u mhux għax inkun sfurzat li nieqaf – Aurelien Cousin

(Ritratt: Martin Agius)

Din id-darba hi deċiżjoni definita. Is-semifinali tan-knock-out tal-Ħamis li għadda kienet l-aħħar logħba fil-karriera mill-aqwa ta’ Aurelien Cousin, bil-klabb tiegħu Exiles jaħtru bħala kowċ tat-tim minflok Igor Vukanovic. Hu se jkun ukoll il-kowċ tat-timijiet ta’ taħt it-13 u l-15-il sena filwaqt li se jsegwi l-iżvilupp tekniku kollu tal-klabb.

Il-plejer naturalizzat Malti li għandu 40 sena, kien inġieb f’pajjiżna minn Exiles fl-2007 bħala plejer barrani u wara ħames staġuni konsekuttivi, irtira u nħatar bħala kowċ tat-tim fl-2011. Cousin bidel il-fehma tiegħu u rritorna jilgħab din id-darba ma’ San Ġiljan fejn fosthom bejn l-2015 u l-2017 rebaħ darbtejn il-Kampjonat tas-Sajf u tliet darbiet in-knock-out. Cousin irritorna ma’ Exiles u fl-aħħar tliet staġuni baqa’ fost l-aqwa plejers fit-tim minkejja l-età tiegħu.

Cousin li twieled Franza, ġie naturalizzat bħala Malti u kien parti importanti mit-tim nazzjonali Malti li lagħab fil-fażi finali tal-aħħar tliet edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew.

F’kuntatt li għamel dan is-sit, Aurelien Cousin qal li kien ilu jaħseb li jirtira għal dawn l-aħħar sentejn iżda żied li hu dejjem ried li jonora l-kuntratt li ntemm ix-xahar li għadda. “Dejjem ridt nieqaf meta xtaqt jien u mhux għax inkun sfurzat li nieqaf. Nemmen li għamilt żmieni bħala plejer u minkejja li ħadt gost fil-logħbiet li lgħabt sal-aħħar logħba, kien wasal iż-żmien li nirtira.”

Mistoqsi dwar id-deċiżjoni għaliex aċċetta l-kariga l-ġdida, Cousin jemmen li għandu ħafna x’jgħallem u l-għażla ġiet naturali għalih meta saret l-offerta mingħand il-President ta’ Exiles Andrew Paris. “Il-waterpolo hu parti minn ħajti minn meta kelli disa’ snin u meta tiġik opportunità li tkun kowċ wara li tirtira, trid teħodha.”