Budget 2021 Edukazzjoni Kultura Kunsilli Lokali Lokali Mużika Sport

Edward Scicluna ma jsemmi l-ebda Skola Ġdida

Il-Ministru tal-Finanzi jerġa’ jirriċikla l-iskejjel tal-Imsida u r-Rabat Għawdex fid-diskors tiegħu li baqgħu ma tlestewx

L-ebda referenza għal skejjel ġodda għas-sena li ġejja fid-9 diskors tal-Baġit tal-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, ħaġa li l-poplu Malti kien tant imdorri biha taħt Gvern Nazzjonalista. Dan hekk kif il-Gvern għal darb’oħra reġa’ semma’ skejjel li ilu jwiegħed snin sħaħ budget wara ieħor:

Se nissokktaw b’iktar xogħlijiet fuq il-bini ta’ żewġ skejjel ġodda – dik tal-Iskola Primarja fir-Rabat Għawdex u dik tal-Imsida.”

Minflok jiftaħ skejjel ġodda, Edward Scicluna għażel li jraqqa’ l-pannu bil-qargħa ħamra billi jirranġa skejjel eżistenti …mingħajr ma semma’ l-kontejners li fihom għadhom jitgħallmu t-tfal, filwaqt li reġa’ ssemma r-restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt; proġett li baqa’ tlestiex.

U għall-istudenti Universitarji u l-MCAST, il-Gvern mill-ġdid jerġa’ jsemmi proġetti f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi li diġa’ ssemmew f’budgets preċedenti.

F’paġna u biċċa biss fuq l-edukazzjoni, kelma ferm għażiża għall-familja Maltija u vitali għal uliedhom li tissemma biss 20 darba f’diskors ta’ aktar minn sagħtejn u nofs, il-ftit għalliema li qed jgħallmu lill-istudenti fuq pjattaformi online se jkollhom lill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla tirregolahom. U l-ġenituri se jingħataw sessjonijiet ta’ tagħlim għal kif jgħallmu lil uliedhom mid-dar.

Il-wegħda taċ-ċekkjatur tal-Malti online ġiet riċiklata mill-ġdid hekk kif baqgħet ma saritx u reġgħet sabet postha fid-diskors tal-baġit ta’ Edward Scicluna.

U fid-diskors, l-ebda referenza għall-Università Amerikana f’Malta, xejn fuq proġetti maż-żgħażagħ, għajr biss li l-Gvern se jikkonsultahom, lanqas kelma fuq it-trakka l-ġdida tal-karozzi u reġa’ semma l-Kumpless tar-Rugby f’Kordin u l-faċilitajiet ġodda għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2023, kif għamel f’budgets oħra, li s’issa minnhom ma mmaterjalizza xejn.

U minflok allokalhom aktar fondi, il-Gvern ħabbar ukoll li se jżid l-għarbiel fuq l-organizzazzjonijiet volontarji, b’aktar skrutinju fuq id-donazzjonijiet li jirċievu u kif dawn jonfquhom.

Il-Gvern mill-ġdid reġa’ naqas mill-jlesti l-proġett tal-Villaġġ tal-Karnival fil-Marsa, hekk kif Edward Scicluna għal darb’oħra reġa’ semmieh:

“U nibqgħu impenjati li naraw li l-proġett tal-Carnival Experience jitwettaq.”

Edward Scicluna ma semma xejn ukoll fuq żidiet fl-allokazzjoni diretta ghall-Kunsilli Lokali, hekk kif fl-aħħar snin raw tnaqqis fil-fondi allokati għalihom.