Internazzjonali

Franza: Aktar azzjonijiet mill-pulizija wara l-qtil tal-għalliem

Il-Pulizija Franċiża kompliet bl-azzjonijiet b’konnessjoni mal-qtil, il-ġimgħa l-oħra, ta’ għalliem Franċiż li spiċċa b’rasu maqtugħa meta kien attakkat minn suspettat militanti Iżlamiku f’ Conflans-Sainte-Honorine – subborg ta’ Pariġi.

L-inċident fejn tilef ħajtu Samuel Paty, li kien jgħallem l-istorja, ħalla lill-pajjiż ixxukkjat, bl-aggressur – raġel ta’ 18-il sena ta’ nisel Ċeċen – jinqatel minn tiri li sparawlu l-pulizija li wieġbu għall-emerġenza.

Intant, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, ikkonferma li għaddejjin talanqas ’80 investigazzjoni’ dwar messaġġi ta’ mibgħeda li qed jiċċirkulaw fuq l-Internet. Dan meta hu qed jikkunsidra li jxolji ċerti gruppi relatati mal-komunità tal-Franċiżi Musulmani li qed ikunu akkużati bħala ‘l-ixprun wara l-vjolenza u mibgħeda’ qalb is-soċjetà, fi Franza.

Fl-istess ħin, mifhum li l-azzjonijiet tal-pulizija se jkomplu u li dawn se jikkonċernaw lil ‘għexieren ta’ eluf ta’ individwi’.

Rapporti oħra qalu li Franza qed taħseb biex tkeċċi ‘il fuq minn 231 barrani li jinsabu fuq lista tal-Gvern għal suspettati estremisti reliġjużi. Madankollu, mhux ċar jekk l-aħħar azzjonijiet mill-pulizija humiex qed jikkonċentraw fuq dawk in-nies partikulari.