Coronavirus Lokali Saħħa

“Ftit wisq, tard wisq” – Forum Unions Maltin dwar il-miżuri li ħabbar il-Gvern

"Bżonn ta' aktar mizuri, edukazzjoni, konsistenza u infurzar mingħajr ma jinħafru l-multi"

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M) iddeskrivew l-aħħar miżuri mħabbra mil-Gvern bħala ‘ftit wisq, tard wisq’.

Il-For.U.M qal li filwaqt li l-ilbies obbligatorju tal-maskri huwa pass tajjeb, biex il-pandemija tinġieb taħt kontroll qabel ma tintemm is-sena jeħtieġ miżuri aktar b’saħħithom.

Fost il-miżuri li qed jistenna, il-For.U.M semma l-għeluq temporanju ta’ stabbilimenti fejn persuni jinġemgħu barra, il-ħtieġa li wieħed jippreżenta riżultat negattiv mad-dħul f’pajjiżna minn barra minn Malta, sforzi akbar biex isir aktar remote working jew teleworking, u tnaqqis fin-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi gruppi.

Il-For.U.M. saħaq ukoll dwar bżonn immedjat li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex ikunu protetti dawk l-aktar vulnerabbli, kemm dawk li jinsabu fi djar tal-kura, kif ukoll dawk fil-komunitajiet tagħna.

Importanti ferm ukoll li nibqgħu nedukaw, u li l-awtoritatjiet tagħna jmexxu bl-eżempju permezz ta’ azzjonijiet u messaġġi li jkunu konsistenti.

Fl-aħħar, temm jgħid il-For.U.M. nistennew infurzar f’kull sitwazzjoni, ma kulħadd, u din id-darba mingħajr ma jiġu maħfura l-multi.

Il-For.U.M. qal li azzjoni deċiżiva tista’ tkun strumentali biex twaqqaf din il-pandemija, iżda trid tittieħed b’mod immedjat.