Lokali Saħħa

“Ħtieġa li jsir aktar investiment fis-settur tas-Saħħa” – PN

Ringrazzjament qawwi lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa mill-Kap tal-PN Bernard Grech għall-isforzi li kontinwament qed jagħmlu l-infermiera u l-qwiebel fl-eqqel ta’ pandemija – dikjarazzjoni li saret waqt laqgħa li hu kellu mal-MUMN fid-Dar Ċentrali tal-PN

Bernard Grech tkellem dwar il-ħtieġa li jsir investiment kontinwu fis-settur tas-saħħa. Hu qal li l-PN dejjem żamm f’qalbu kull professjoni, u tenna li ma nistgħux ninsew lill-infermiera u l-qwiebel li l-professjoni tagħhom hija wara kollox vokazzjoni.

Il-President tal-MUMN Paul Pace tkellem fost l-oħrajn dwar in-nuqqas ta’ risorżi umani fis-settur tas-saħħa u qal li minkejja l-isforzi li għamlet il-Union fl-aħħar snin biex din il-problema tkun megħluba… dwar dan sar ftit li xejn.

Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni kurrenti fejn qal li mhuwiex biss in-numru ta’ sodod fl-ITU li huma importanti iżda li kull sodda jkollha infermiera speċjalizzati halli jimmaniġġjaw il-ventilators. Infatti fl-aħħar jiem l-MUMN talbet laqgħa mat-tmexxija tal-isptar Mater Dei dwar “din il-kwistjoni serja”.

L-MUMN semmiet il-wegħdiet li kienu saru ta’ investiment fis-settur – investiment li baqa’ fuq l-ixkaffa.. inkluż dak li suppost sar fl-isptar Monte Carmeli.

Fi tmiem il-laqgħa t-tmexxija tal-MUMN awgurat lil Bernard Grech għall-irwol il-ġdid tiegħu, filwaqt li l-Kap tal-PN mill-ġdid tenna l-appoġġ tiegħu lejn il-ħaddiema kollha tas-saħħa f’dan il-mument tant u tant delikat.  

Tul il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-PN kien hemm il-Kelliem tas-Saħħa Stephen Spiteri, il-Kelliem tal-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliema tal-Ugwaljanza sħiħa Claudette Buttigieg u Clyde Puli l-Kelliem tal-Edukazzjoni, li lkoll jiffurmaw parti mit-tim ta’ azzjoni li waqqaf ftit tal-jiem ilu Bernard Grech.

Ritratti: Matthew Tabone