Coronavirus Lokali Saħħa

Id-deċiżjonijiet dwar il-COVID-19 għandhom ikunu f’idejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa u mhux f’idejn il-Prim Ministru – PN

It-tim t’azzjoni dwar il-pandemija mmexxi mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, f’laqgħat mas-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, l-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM)


Id-deċiżjonijiet dwar il-COVID-19 għandhom ikunu f’idejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa u mhux f’idejn il-Prim Ministru.  Dan sostnieh il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa li hu kellu mas-Supritendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci.  Din il-laqgħa kienet waħda minn numru ta’ laqghat li qed ikollu t-tim t’azzjoni dwar il-COVID imwaqqaf mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Matul il-laqgħa, Bernard Grech reġa’ tenna l-fiduċja tal-Partit Nazzjonalista fis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika u fl-esperti li jaħdmu magħha u esprima dispjaċir għall-fatt li ħidmiethom ġie mxekkel minn dikjarazzjonijiet kontrastanti li għamel il-Prim Ministru.

F’laqgħa oħra li kellu mal-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN), il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech tenna l-apprezzament għall-ħidma bla heda mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-frontliners kollha, partikolarment l-isfidi li għaddejjin minnhom u l-pressjoni li din il-pandemija qed toħloq lilhom u l-familji tagħhom. 

Ġie diskuss ukoll in-nuqqas ta’ riżors uman fis-settur tas-saħħa u dwar is-sitwazzjoni kurrenti fejn mhux biss in-numru ta’ sodod fl-ITU huwa importanti iżda li kull sodda jkollha infermiera speċjalizzati sabiex jimmaniġġjaw il-ventilators f’każ ta’ bżonn.

Bernard Grech qal li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li pajjiżna għandu bżonn tmexxija responsabbli u strateġija ċara ta’ x’qed isir biex tiġi kkontrollata din l-imxija b’mod urġenti.

Aktar tard illum dan it-tim t’azzjoni se jkun qed jiltaqa’ mal-Assocjazzjoni Medika Maltija (MAM) sabiex magħhom ukoll jitkomplew id-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija.