Budget 2021 Lokali

Il-GWU tilqa’ b’mod pożittiv il-miżuri mħabbra fil-Budget

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget, il-GWU qalet li minkejja l-problemi ekonomiċi kbar li d-dinja qed taffaċċja bħalissa minħabba l-pandemija, il-Gvern qed jerġa’ jipproġetta baġit mingħajr żieda fit-taxxi. 

Is-surplus fiskali li kien riżultat dirett tal-involviment tas-settur privat frott tal-fiduċja li l-Gvern nieda fl-ekonomija tal-pajjiż wassal biex il-Gvern seta’ jaffaċċja din l-kriżi ekonomika frott il-pandemija bi stimulu finanzjarju li pajjiżna qatt ma ra bħalu.   Id-defiċit ipprogettat għandu jwassal għal aktar investiment fil-pajjiż tant illi huwa pprogettat tkabbir ekonomiku fl-2021 ta’ 5% f’termini reali. 

Fl-istess ħin, il-Gvern nieda finanzi qawwija fis-settur tas-saħħa biex pajjiżna jkun jista’ jaffaċċja din il-pandemija.  Il-GWU tinnota diversi miżuri illi l-Gvern nieda f’dan il-baġit li kollha jpoġġu fuq quddiem nett it-tisħiħ fil-qasam tax-xogħol. 

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Budget ser ikompli jwieżen dawk il-faxex l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà fosthom pensjonanti, persuni b’diżabilità b’żieda fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali. 

Il-baġit kien ferm pożittiv ukoll fil-qasam tal-ambjent b’investimenti pproġettati fl-immaniġġjar tal-iskart u l-immaniġġjar tal-plastik.  Il-Gvern mhux biss ma żiedx taxxi imma qed jirnexxilu jassigura riformi kbar biex l-iżvilupp ekonomiku jkun akkumpanjat mat-tisħiħ fl-ambjent li qed ngħixu fih. 

Il-GWU turi sodisfazzjon illi dan il-baġit ser ikompli jniedi d-direzzjoni b’saħħitha fl-ekonomija bl-investimenti neċessarji fl-infrastruttura, fosthom investimenti kbar fil-qasam tat-toroq, l-industrial estates, bini ta’ Skejjel  u l-Housing Estates ġodda fil-pajjiż. 

L-istqarrija ttem tgħid li l-pajjiż irid ikun preparat biex jilqa’ għat-tkabbir ekonomiku li huwa mistenni fis-snin li ġejjin, mhux biss meta d-dinja medika ser issib il-vaċċin kontra l-Covid 19 imma frott ir-riżultat tal-istimulu ekonomiku li l-Gvern nieda f’dawn ix-xhur.