Lokali Transport

“Il-ħabi dwar x’ġara minn informazzjoni sensittiva ta’ Transport Malta jrid jieqaf” – PN

“Wara li ftit tal-jiem ilu, ħareġ fil-midja li s-sistemi ta’ Transport Malta sofrew cyber attack fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Settembru, l-Ministru Ian Borg għadu ma pprovdiex l-assigurazzjoni neċessarja lill-impjegati ta’ Trasport Malta li l-informazzjoni tagħhom mhix fl-idejn il-ħżiena” – Hekk saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Toni Bezzzina fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Toni Bezzina stqarr li apparti minn hekk, għad ma kien hemm l-ebda diklarazzjoni mill-Ministru li l-ebda informazzjoni ta’ terzi persuni li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ Transport Malta ma spiċċatx imbagħbsa jew misruqa.

“Inħeġġeġ lill-Ministru Ian Borg, li taħtu taqa’ din l-entità, sabiex bla dewmien iserraħ moħħ in-nies li l-informazzjoni sensittiva tagħhom ma tinsabx f’riskju.” temmet tgħid l-istqarrija.