Il-parlament llum sellem lill-ex deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi li miet fl-aħħar ġranet. L-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Gvern u l-Oppożizzjoni sellmu lil Fredrick Azzopardi u taw il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
Fil-parlament il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament David Agius sellem lill-ex deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi u qal li hu xieraq li l-parlament jikkommemora lil Fredrick Azzopardi propju fl-ewwel seduta wara l-mewt tiegħu. Fredick kien raġel fuq l-irġiel; kien ġentlom ta’ veru, sostna David Agius.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Fredrick Azzopardi kien ġentlom, umli, profond fil-ħsieb u dejjem preżenti fil-parlament. Fredrick Azzopardi kien bniedem li tista’ titkellem miegħu fuq diversi suġġetti, sostna l-Prim Ministru.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li għal Fredrick Azzopardi, il-familja kienet kollox. Hu kien jiddibatti u jirrispetta lill-avversarju fejn ma jaqbilx miegħu. Hu qal li kien baqa’ viċin Fredick Azzopardi u qed jitħejja ktejjeb dwar Fredrick Azzopardi.
