Lokali Qorti

Il-Qorti tagħti esklussività lil omm fuq bintha wara l-abbandun tal-missier fl-Irlanda

Il-Qorti Ċivili Sezzjoni tal-Familja preseduta mill-Imħallef Jacquelene Padovani Grima, laqgħet rikors ta’ omm biex din tingħata l-esklussività ta’ bintha u tingħata manteniment mill-eks sieħeb tagħha. L-omm kienet tgħix l-Irlanda u ħarġet tqila f’dan il-pajjiż bir-raġel li kellha relazzjoni miegħu iħalliha mar-riħ.

F’sentenza diffiċli anke għall-Qorti l-omm issa ġiet iddikjarata li hija l-unika ġenitur tat-tifla tagħha wara li l-missier abbandunhom mat-twelid u lanqas biss ħadd ma jaf fejn jinsab fil-preżent. Il-Qorti tat il-fakultà lil omm biex hija jkollha l-aċċess u l-pusses kollu fuq il-ħtiġijiet tat-tifla f’kollox.

Ma hemm bżonn l-ebda firem tal-missier fuq affarijiet li jikkonċernaw lil minuri bħal fejn tmur skola jew jekk ikun hemm bżonn xi intervent mediku jew kull ħaġa oħra li hemm bżonn il-barka tal-ġenituri. It-tmun tal-familja issa huwa kollu f’idejn l-omm.

Dan il-każ imur lura seba’ snin fejn meta ħarġet tqila l-omm, missier it-tifla ħeġġiġha biex tagħmel abbort li hi ma rieditx. Wara ftit xhur abbanduna kemm lil omm kif ukoll lil bintu. Illum it-tifla għandha seba’ snin u missierha qatt ma għamel kuntatt magħha.

Ir-rikors kien ġie preżentat f’Novembru li għadda fejn wara li l-omm kellha relazzjoni ma’ dan ir-raġel waqt li kienet l-Irlanda ftit wara huwa qata’ kull kuntatt magħha u ma’ bintu.

L-omm irrisjediet dejjem ma’ bintha waħidha u li hu qatt ma ħa parti fil-ħajja ta’ bintu jew refa’ r-responsabilità għat-trobbija tagħha. F’dan iż-żmien l-omm kienet waħidha li ħadet ħsieb tal-htiġijiet tal-minuri inkluż htiġijiet finanzjarji.

Il-Qorti laqgħet it-talba li takkorda l-kura u l-kustodja tal-minuri f’idejn l-omm u li l-missier jagħti manteniment adegwat għal bintu peress li hija biss l-omm waħidha li tħallas għal ikel u spejjeż mediċi u edukattivi tal-minuri.

Fil-kawża xehedet omm il-mara li ppreżentat ir-rikors, li tiġi n-nanna tal-minuri. Spjegat li bintha kienet għamlet żmien twil tgħix l-Irlanda fejn imbagħad fl-2013 kienet qaltilha li kienet ħarġet tqila.

Qalet li għalkemm missier it-tarbija kien riedha tagħmel abort, bintha ma kinitx aċċettat u baqgħet tissokta bit-tqala waħedha u welldet lil minuri fl-Irlanda. L-omm qalet li kienet marret l-Irlanda sabiex tkun tista’ tgħin lil bintha waqt it-tqala u kienet ukoll preżenti għat-twelid, izda missier it-tarbija ma kienx preżenti.

Ziedet tgħid li huwa kien tfaċċa biss sabiex tiġi rreġistrata t-tarbija biex ma tkunx imniżżla bħala tarbija ta’ missier mhux maghruf. L-omm qalet li bintha kienet ġiet lura Malta fis-16 ta’ Diċembru 2013 u kienet għamlet xi sena tgħix magħha.

Qalet li dak iż-żmien hija ċerta li qatt ma kien hemm kuntatt bejn il-partijiet u li missier it-tarbija ma kien ħallas l-ebda manteniment. Omm il-minuri xehdet li hija kienet iltaqgħet mal-eks sieħeb tagħha fl-2012 wara li kienet ilha toqgħod l-Irlanda 13-il sena u kienet inqabdet tqila wara li kienu ilhom f’relazzjoni għal madwar tliet xhur.

Spjegat illi kif sar jaf bit-tqala, l-eks sieħed tagħha kien għamel minn kollox biex tagħmel abort iżda hi ma rieditx. Għall-bidu beda juri li kien se jkun responsabbli għat-tarbija iżda wara ftit qata’ kull kuntatt magħha u meta kellha ħames xhur tqala kien waqaf jieħu interess u jmur magħha ghall-appuntamenti mediċi u lanqas ma kien preżenti għat-twelid tat-tarbija.

Xehdet li l-eks sieħeb tagħha kien mar iżurha l-isptar wara li kienet weldet it-tarbija u kien qal li kien ried jirreġistraha fuq ismu, kif filfatt kien sar. Minn dak iż-żmien ‘l hawn pero, qatt ma reġa’ kellu kuntatt magħhom.
Spjegat li huwa qatt ma pprova jara lil minuri jew ikellimha u wkoll qatt ma ħallas manteniment għaliha.

Qalet li meta kienet ġiet Malta, il-pjan inizjalment kien li toqgħod hawnhekk biss waqt il-‘maternity leave’ sabiex ikollha l-għajnuna tal-famiilja tagħha imbagħad tmur lura l-Irlanda.

Dan peress li hemmhekk kellha l-karriera taghha b’impjieg tajjeb bħaa inġinier ma’ Apple Computers u ħajja tajba. Qalet li pero, peress missier binta lanqas kien jipprova jagħmel kuntatt magħha, hija kienet iddeċidiet li tibqa’ Malta għaliex ħasset li kellha bzonn is-sapport u hawnhekk kellha l-familja tagħha biex tgħinha.

Rigward il-kura u kustodja tal-minuri l-Qorti qalet li skont il-liġi, l-kura u kustodja tat-tfal hija rregolata mill-prinċipju ewlieni tal-aqwa interess tat-tfal, u l-aqwa’ utilità u l-akbar vantaġġ għall-interess tal-istess tfal.

Illum il-ġurnata għaddew seba’ snin mit-twelid tat-tifla u li l-omm kienet giet Malta sabiex ikollha għajnuna u sostenn tal-familja tagħha fit-trobbija tat-tifla. Mill-provi prodotti jirriżulta li l-missier qatt ma wera l-ebda interess fil-ħajja ta’ bintu.

Huwa qatt ma wera x-xewqa li jara lil bintu u wisq anqas li jkollu aċċess magħha. Il-Qorti qalet li tagħraf li f’ċirkostanzi normali, iż-żewg ġenituri għandhom rwol importanti fil-ħajja u fit-trobbija ta’ uliedhom, u għalhekk l-ebda wieħed mill-ġenituri m’għandhu jiġi eskluż mit-trobbija tal-ulied sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji li jwasslu lil Qorti li tieħu miżura daqshekk drastika.

Izda kif ingħad, f’din il-materja il-Qorti tiġi gwidata mill-aħjar interessi tal-minuri, u għalhekk għandha teżamina jekk fiċ-ċirkostanzi huwiex fl-aħjar interess tal-minuri li xi ħadd mill-ġenituri għandu jiġi żvestit mill-awtorità ta’ ġenitur.

Il-Qorti rat illi l-missier abbanduna għal kollox lil bintu u m’għandu l-ebda kuntatt mal-omm, tant illi lanqas biss kien possibli li wieħed jagħmel kuntatt miegħu għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri.

Ir-raġel ilu ma jara lil minuri minn mindu twieldet, ma jistaqsix dwarha, u lanqas ma jikkontribwixxi finanzjarjament għat-trobbija tagħha. Dan l-abbandun minn naha tiegħu fil-konfront ta’ bintu jpoġġi lill-omm f’sitwazzjoni diffiċli f’dak li għandu x’jaqsam mad-deċizjonijiet li jkun hemm bżonn li jittieħdu fir-rigward tat-tifla.

Il-Qorti kompliet tgħid li peress li l-missier għamilha mpossibli ghaliha li tagħmel kuntatt miegħu. Il-Qorti tqis li ma jkunx fl-aħjar interess tal-minuri li ommha jkollha tirrikorri għall-proċeduri ġudizzjarji f’kull sitwazzjoni fejn jista’ jkun hemm bżonn il-firma tal-missier.

Bħala eżempju l-Qorti semmiet l-iskrizzjoni tal-minuri fi skejjel, xi vjaġġ skolastiku edukattiv, jew xi deċizjonijiet fl-ambitu mediku. Il-Qorti sostniet li hija konvinta illi jeżistu l-estremi sabiex il-missier jiġi mċaħħad mill-awtorità ta’ ġenitur, sabiex din tiġi eżerċitatà esklussivament mill-omm.

Dwar il-manteniment il-Qorti dejjem irritjeniet illi l-ġenituri ma jistgħux jabdikaw mir-responsabilità tagħhom li jmantnu lil uliedhom materjalment, hu kemm hu l-introjtu tagħhom.

Dejjem kienet tal-fehma illi kull ġenitur għandu l-obbligu li jmantni lil uliedu anke jekk il-mezzi tiegħu huma baxxi jew jinsab diżokkupat. Il-Qorti qalet li ma tista’ qatt taċċetta li persuna ġġib it-tfal fid-dinja u titlaq kull responsabilità tagħhom fuq il-ġenitur l-ieħor jew inkella fuq l-istat.

Il-Qorti rat ukoll illi għalkemm jirriżulta mix-xhieda ta’ ommha, omm it-tarbija taħdem, hija ma produċiet l-ebda prova rigward l-introjtu tagħha.
Il-Qorti qalet ukoll li l-omm qed trabbi lit-tifla kompletament waħedha.

Dan tant illi mhux talli il-missier ma qed jagħmel l-ebda tip ta’ kontribut fit-trobbija ta’ din it-tifla u qed iċaħħadha mill-preżenza ta’ missier f’ħajjitha, iżda jagħmilha mpossibli għall-omm li jkollha kuntatt miegħu.

Għalhekk l-oneru tat-trobbija tat-tifla waqa’ kollu fuq spallejn omm il-minuri. Il-Qorti tqis għalhekk li mhux biss kellha trabbi lit-tifla waħedha bil-konsegwneti, limitazzjoni tal-kapaċità taghha li tiġġenera introjtu, iżda qed tagħmel kontribut non-finanzjarju sostanzjali fil-manteniment tal-minuri.

Dan għalhekk huwa fattur li fil-fehma tal-Qorti għandu relevanza kbira fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-manteniment li għandu jkun dovut minn missier il-minuri. Mhux kontestat, li omm it-tifla għandha spiża ta’ erba’ €435 fix-xahar ghall-bzonnijiet tal-minuri, liema somma teskludi pero spejjeż ta’ kera, dawl u ilma.

Jirriżulta wkoll li l-omm tonfoq madwar €86.67 fix-xahar għall-ispejjeż edukattivi u extra-kurrikurali tal-minuri, iżda ma ġietx indikata in-nefqa approssimattiva relatata ma’ spejjez mediċi tal-minuri.

Wara l kkonsidrat kollox, il-Qorti qalet li hija tal-fehma illi l-manteniment dovut mill-missier għal minuri għandu jkun fis-somma ta’ €450 fix-xahar, liema ammont għandu jinkludi sehem mill-missier tal-ispejjeż edukattivi, mediċi u extra-kurrikurali tat-tifla.