Budget 2021 Lokali

Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja ser tkun ta’ €1.75

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta l-Budget għall-2021 – budget li ħalla lil ħafna jistaqsu  fejn huma l-flus li wiegħed il-PM nhar il-Ħadd li għadda meta qal li l-finanzi fil-bwiet tal-familji ser ikunu qed jitripplaw.

Minkejja l-ftaħir li l-Gvern Laburista ma żidx taxxi, iż-żieda mogħtija lill-familji Maltin u Għawdxin ser tkun €1.75c fil-ġimgħa, fost l-inqas żidiet fl-aħħar 8 snin.

Dan filwaqt li tul dan il-budget ma ssemma l-ebda roħs fil-petrol u d-diesel, u wisq inqas traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-familji Maltin u Għawdxin u dak tas-settur turistiku. 

Apparti minn hekk iż-żieda li ta l-Gvern fil-pensjonijiet hija inqas minn dik imħabbra fis-sena preċedenti, b’żieda ta’ €3.25 fil-ġimgħa. Dan filwaqt li ċ-Children’s Allowance mistenni jiżdied bejn 50 u sebgħin ewro fis-sena għal kull wild skont id-dħul tal-familji.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Edward Scicluna kkonferma li Malta mistennija tirreġistra żieda fid-defiċit ta’ 9.4% filwaqt li d-dejn mistenni jiżdied għal aktar minn 58%.

F’dan il-budget ġie ikkonfermat li l-konsum pubbliku fl-2021 mistenni jonqos b’1.2%.

Intant, biex iwieġeb għar-realtà tal-pandemija li l-Gżejjer Maltin qed iħabbtu wiċċhom maghha, il-Gvern ser ikun qed jestendi l-iskema tal-Wage Supplement lil min iħaddem sal-31 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla w….ara li l-Unjoni Ewropea għamlet tajjeb b’cash grant ta’ 120 miljun ewro. Dan filwaqt li ser ikunu qed jerġgħu jitniedu l-mitt ewro vawċers; sittin ewro li jistgħu jissarrfu f’akkomodazzjoni, lukandi u ristoranti filwaqt li erbgħin ewro jissarfu fil-ħwienet u servizzi varji. Dawn ser ikunu qed jitqassmu sal-aħħar tas-sena, bl-indikazzjonijiet kollha huma li ser ikunu jistgħu jissarfu minn Jannar tas-sena d-diehla.

Fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19 industrija li ħadet daqqa ta’ ħarta kienet dik tat-turiżmu u l-avjazzjoni madanakollu dan il-budget ma offra ebda soluzzjoni konkreta għal dan il-qasam partikolarment għal-linja tal-ajru nazzjonali l-Air Malta …fejn ingħad li l-pajjiż ser ikun qed idur għall-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li l-unika soluzzjoni tanġibbli li offra l-Gvern sabiex jiġbed lura t-turiżmu f’pajjiżna huwa l-kunċett ta’ Safe City – l-introduzzjoni ta kameras tas-sigurtà madwar iż-żona ta’ Paceville.

Lill-bqija tal-ħaddiema li ntesew kompletament minn dan il-budget, il-Gvern tahom ġurnata leave oħra fis-sena.

Il-Gvern ta’ Abela se jzomm l-iskema tal-bejgh tal-passaporti…tant li minnha qed jippjana li jdaħħal madwar €75miljun.

Filwaqt li wiegħed is-serħan il-moħħ lill-poplu, il-Gvern falla għal kollox milli jgħid ċar u tond x’inhu l-pjan tiegħu sabiex iqajjem pajjiż minn għarkopptejh meta u wara tgħaddi minn fuq pajjiżna l-imxija tal-Covid-19.