Internazzjonali

L-ekonomija taċ-Ċina qed tirkupra mill-effett diżastruż tal-Covid-19

L-ekonomija taċ-Ċina kompliet tirkupra mill-effetti tal-pandemija tal-Covid-19, skont ma qegħdin juru l-aħħar ċifri uffiċjali ta’ dan il-pajjiż.

Iċ-Ċina – it-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja – rat żvilupp ta’ 4.9 fil-mija bejn Lulju u Settembru, meta mqabbel mal-istess perjodu taż-żmien, fl-2019.

Madankollu, iċ-ċifra hi anqas mit-5.2 fil-mija li kienu qed ibassru l-ekonomisti.

Intant, iċ-Ċina tinsab fuq quddiem fost il-pajjiżi li qed jissieltu biex ipattu għal telf ekonomiku diżastruż li rriżulta mill-pandemija.

U d-data relatata mal-Prodott Gross Domestiku (GDP) taċ-Ċina qed turi li l-iżvilupp ta’ kważi ħamsa fil-mija hu qabża kbira ‘il fuq mis-sitwazzjoni tal-ekonomija Ċiniża fil-bidu tas-sena – meta kienet feġġet il-pandemija għall-ewwel darba.

Għall-ewwel tliet xhur tas-sena, l-ekonomija taċ-Ċina kienet naqset b’xi 6.8 fil-mija u fejn spikkaw shutdowns ta’ fabbriki u impjanti ta’ manifattura fl-artijiet tagħha. It-tnaqqis kien l-ewwel għall-ekonomija ta’ dan il-pajjiż mindu ċ-Ċina, fl-1992, bdiet tirreġistra d-data għall-perjodi rispettivi ta’ erba’ xhur.

Sadanittant, l-istatistika ekonomika ewlenija tissuġġerixxi li ċ-Ċina bdiet tirkupra b’rata mgħaġġla f’sens ekonomiku – għalkemm l-esperti kemm-il darba jiddubitaw kemm id-data taċ-Ċiniżi hi preċiża.