Budget 2021 Għawdex Lokali

L-Għawdxin jispiċċaw b’wegħdiet riċiklati

Għall-Gvern kien biżżejjed li jinkludi l-miżuri għall-Għawdxin fi tliet paġni u nofs. F’dawn il-ftit paragrafi, kienu mill-ġdid riċiklati l-wegħdiet li saru fl-aħħar budgets. Mill-ġdid il-Gvern wiegħed;

Dar tal-Anzjani f’Ghajnsielem., li ilha suppost lesta 7 snin. Fast ferry service bejn Malta u Għawdex li ġie mwiegħed f’ kull budget fl-aħħar 8 snin u għadu ma sarx. Li se jsir t-tieni fibre optic cable, li ilu jissemma’ f’kull budget u sallum ma sarx. U li se ssir pixxina li ilha tissemma’ f’ħames budgets.

Fl-aħħar snin, il-Gvern Laburista wiegħed numru ta’ proposti oħra li f’dan il-budget għażel li jew ma jsemmihomx jew inessihom, fosthom; Bini ġdid għall-Qorti li ilu mwiegħed 7 snin, Park and Ride f’Ta Xhajma, u sptar ġdid minn Steward Healthcare li suppost ilu lest 3 snin.

Dawn kollha ma ġewx inklużi fil-budget, kif l-istess ma kienux inklużi wegħdiet li saru mill-Gvern Laburista fosthom, yacth marina, cruise liner terminal, casino u servizz bl-ajru bejn Malta u Ghawdex.

Intant, f’dan il-Budget, il-Gvern ħabbar li se jibni toroq ġodda f’Għawdex. Se jsir xogħol ta’ restawr kif ukoll twaħħil ta’ mużajk f’numru ta’ żoni turistiċi. Il-Gvern se jonfoq ukoll ammont kbir ta’ flus fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex.