Budget 2021 Coronavirus Lokali

“L-irkupru ekonomiku se jiddependi fuq l-imxija tal-pandemija u r-riżultat tal-Moneyval” – MEA

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem l-MEA irrokonoxxiet li dan hu budget li qed isir fi żmien ta’ sfida, u apprezzat ir-rikoxximent li ta l-Ministru tal-Ekonomija lill-qasam tan-negozju u lil min iħaddem talli b’għaqal għarfu jżommu lill-ħaddiema tagħhom sabiex b’hekk pajjiżna żamm ir-rata tal-qagħad baxxa.

Filwaqt li qalet li l-miżuri fiskali li ħa l-Gvern kienu ta’ għajnuna, l-MEA innutat b’dispjaċir li d-deċizjonijiet li ttieħdu fis-sajf wasslu għal żieda ta’ każi ta’ covid-19.

Kif mistenni, il-Gvern qed juża s-surplus li kellu u issa l-2020 u l-2021 se jirreġistraw defiċit fiskali sostanzjali li se jgħoli r-rata tad-dejn għal kważi 60%.

L-MEA laqgħet l-estensjoni tal-Covid Supplements sa Marzu tal-2021 bl-għajnuna tal-€120 miljun f’fondi mill-UE.

Filwaqt li faħħret il-benefiċji fiskali mħabbra, l-MEA esprimiet tħassib dwar il-ġurnata leave żejda li ddeskriviet bħala miżura frivola u li se timina l-kompetittivtà nazzjonali.

L-MEA qalet li dan mhuwiex budget tal-vouchers u li filwaqt li l=vouchers għenu s-settur tal-catering, din il-miżura trid tittieħed fl-isfond ta’ budget nazzjonali li jaqbez l-erba’ biljun ewro.

L-Assoċjazzjoni qalet li għalkemm il-Ministru qed jistenna tkabbir fil-GDP fis-sena li ġejja, huwa diffiċli li wieħed ibassar dak li ġej minħaba żewġ fatturi; id-dewmien tal-pandemija, u l-eżitu mill-evalwazzjoni tal-Moneyval.

Il-pandemija se tkun qed iżomm il-qasam tat-turiżmu ġġammjat, u wieħed ma jistax ibassar kemm dan il-qasam jista’ jirkupra malajr. Aktar ma jibkru l-każi, u aktar mat-tul il-pandemija, aktar sejkun diffiċli biex il-qasam turistiku jirkupra malajr.

Minbarra dan, mhux magħruf lanqas kemm il-qasam tal-kostruzzjoni jista’ jibqa’ jżomm il-pass fis-sena li ġejja.

 Ir-riżultat aħħari tal-Moneyval huwa fattur kritiku ieħor li se jidderetmina r-rata ta’ kif se nirkupraw kemm ekonomikament imma anke fil-qasam tas-setturi finanzjarji fl-2021 u wara. Dan it-test qed joħloq inċertezza f’ħafna oqsma u għandu jkun hemm sforz akbar biex tkun issavalgwardjata r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

 Din is-sena rat żieda f-depożiti fil-banek hekk kif ħafna qagħdu attenti fl-infieq tagħhom u proġetti baqgħu fuq l-ixkaffa. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju, iżda ħafna se jiddependi fuq kif pajjiżna se jirnexxielu joħrog mill-pandemija u kif se tissewwa l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.