Coronavirus Internazzjonali

L-Italja tkompli tħarrax il-miżuri; massimu ta’ 6 flimkien, spazji pubbliċi jagħlqu fid-9pm, take aways sa nofsillejl

Hekk kif diversi pajjiżi qed jikkunsidraw dak li qed jissejjaħ circuit breaker lockdown, jiġifieri lockdown għal perjodu qasir bħal ħmistax-il jum biex titrażżan il-firxa tal-pandemija, l-Italja  qed tħarrax il-miżuri ta’ restrizzjonijiet.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar li issa n-numru massimu ta’ persuni li jistgħu ikunu fi grupp niżel għal sitta. Dan jinkludi persuni li jkunu qed jieklu flimkien f’ristoranti u bars.

Sindki tar-reġjuni se jkunu jistgħu jordnaw l-għeluq ta’ spażji pubbliċi, bħal toroq pedonali u pjazez fid-9.00pm.

Sport kompetitiv mhux professjonali ukol se jitwaqqaf, kif se jitwaqqfu parties, festivals u attivitajiet oħra pubbliċi bħal konferenzi u konvenzjonijiet.

Intant stabbilimenti ta’ take aways se jkunu qed jitħallew joperaw biss sa nofsillejl.

Restrizzjonijiet oħra bħall-għeluq ta’ gyms u pixxini mistennija jitħabbru aktar tard matul il-ġimgħa, filwaqt li Universitajiet u kulleġġi qed ikunu mħeġġa jaqilbu għal tagħlim online.