Budget 2021 Lokali

L-MDA tilqa’ l-inizjattivi mħabbra fil-Budget

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA, tilqa’ d-diversi inizjattivi mħabbra fil-Baġit u tinsħaq li tinsab sodisfatta li bosta mill-proposti tagħha ġew adottati mill-Gvern.

Fi stqarrija l-MDA qalet li dak li tħabbar huwa pass ‘il quddiem sabiex is-suq tal-proprjetà u setturi oħra importanti bħall-enerġija rinnovabbli, ikomplu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija Maltija b’mod ġenerali. Dan filwaqt li jkun hemm spinta fid-dawl tax-xenarju ekonomiku diffiċli li pajjiżna jinsab għaddej minnu.

L-MDA tilqa’ wkoll id-deċiżjoni li tiġi estiża l-iskema tal-First Time Buyers.

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-assoċjazzjoni hija sodisfatta li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, is-setturi rrappreżentati mill-MDA għandhom l-għodod it-tajba sabiex ikun hemm riżultati ekonomiċi importanti għall-benefiċċju tal-komunità kollha b’mod ġenerali.

Min-naħa tagħha, id-Direttur Ġenerali Marthese Portelli rrikonoxxiet l-fatt li l-Gvern sema’ b’mod pożittiv is-suġġerimenti tagħha fejn l-industrija se tkun qed twieġeb b’aktar investiment u żieda fl-entużjażmu biex tinħoloq aktar fiduċja u possibbilment tkabbir rapidu fil-ekonomija Maltija.