Lokali

Bżonn ta’ miżuri li tassew ipoġġu lill-persuna fiċ-ċentru tal-politika – FOIPN

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista nnota b’dispjaċir li l-Gvern Laburista fil-baġit li ressaq, falla milli tassew jifhem il-weġgħat u l-bżonnijiet ta’ mijiet ta’ familji Maltin li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew li qed ibatu minn severe material deprivation. Żgur li ż-żieda fqira ta’ €1.75 mhi se ttaffi xejn mill-bżonnijiet li dawn qegħdin jaffaċċjaw biex ikampaw u jgħixu ħajja diċenti.  

L-FOIPN fakkar lill-Gvern li għandu obbligu morali li jiftakar fit-83,000 persuna li jinstabu f’riskju ta’ faqar u eluf iktar li huma severely materially deprived (EU-SILC 2020), fosthom anzjani, familji, ġenituri single, nies li jbatu b’nuqqas ta’ saħħa mentali, u persuni b’diżabilita’, billi joħroġ b’miżuri u azzjonijiet konkreti li tassew jimmitigaw is-sitwazzjoni prekarja ta’ dawn in-nies mhux biss fl-immedjat iżda bi pjan fit-tul, pjan li jkun sostenibbli u effettiv.

Il-Forum saħaq li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni kien proattiv u fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit, ta l-proposti tiegħu ta’ kif tista’ tittaffa din is-sitwazzjoni. Fost oħrajn, infakkru fil-proposta li tal-inqas jibdew it-taħdidiet biex tiddaħħal il-living wage u tiġi reveduta l-COLA (cost of living adjustment).  Is-soluzzjonijiet m’għandhomx ikunu biss għall-immedjat iżda għandhom ikunu immirati li jsolvu l-problema fil-long term.  Għaldaqstant, FOIPN jsostni li dan huwa l-mod ta’ kif tassew nistgħu nassiguraw li n-nies u l-familji Maltin jistgħu jħarsu ‘l quddiem u jgħixu l-ħajja diċenti li jixirqilhom, kif aħna obbligati li nassiguraw skont it-trattati tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Magħquda.

“Huwa insult li l-Gvern Laburista jaħseb li biż-żieda fqira li ta, ħasel idejh mill-obbligi tiegħu”. Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN appella lill-Gvern biex jinża’ l-parteġġjaniżmu, iwarrab ir-ras iebsa u l-arroganza li qed jagħmuh, u jibda tassew jaħseb f’miżuri, inizjattivi u inċentivi li tassew ipoġġu lill-persuna fiċ-ċentru tal-politika.