Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 134 każi ġodda – ifiqu 40

Aktar piż fuq spallejn is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna kawża tal-imxija insistenti tal-Covid-19 bl-aħħar tminnt ijiem jaraw żieda ta’ 1,027.

Dan wara li fuq il-paġna ta’ Saħħa tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa fil-Gżejjer Maltin ġew irreġistrati 134 każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każi attivi jiżdiedu għal rekord lokali ta’ 1,547.

Minn Marzu s’issa t-total ta’ każi pożittivi ta’ Coronavirus jammonta għal 5,088.

Bejn it-Tnejn u t-Tlieta fiequ 40 persuna sabiex it-total ta’ persuni mfejqa żied għal 3,482.

Skont kif maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa mill-109 każi mħabbra tul il-jum tat-Tnejn; 36 kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 6 każi minn fuq il-post tax-xogħol, 10 każi oħra li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi, 6 każi minn attivitajiet soċjali, 3 każi importati u żewġ każi oħra mill-cluster ta’ Paceville.

Dan ifisser li 46 mill-każi mħabbra t-Tnejn ma kellhomx idea minn fejn setgħu ġew infettati.

Dan filwaqt li l-vittmi ta’ Covid-19 f’pajjiżna telgħu għal 46 wara li t-Tlieta filgħodu l-Ministeru għas-Saħħa ħabbar il-mewta ta’ mara ta’ 72 sena li kienet qed tingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal dawn l-aħħar jiem wara li ttestjat pożittiv għall-Covid-19.