Internazzjonali

Covid-19: Pjan għall-provi fejn il-bniedem ‘jisfida lill-virus’

Ir-Renju Unit qed jippersisti biex isir l-ewwel pajjiż li jidħol għal proċess ta’ studji fuq bażi ta’ ‘human challenge’ u li jippermetti biex sa 90 persuni b’saħħithom ikunu esposti għall-infezzjoni bil-Covid-19 skont pjan speċifiku.

Il-provi, li jistgħu jibdew f’Jannar, huma intiżi biex iħaffu l-proċess – jew tellieqa – lejn vaċċin effettiv għal kontra l-coronavirus ġdid. Dan meta l-Gvern Britanniku qed jinvesti mat-33.6 miljuni għal dan il-proċess innovattiv, bil-potenzjal li jkun wieħed storiku.

L-esperti jinsistu li s-sigurtà, f’dan il-każ, għandha tkun priorità ewlenija. Il-pjani se jeħtieġu l-approvazzjoni etika u li r-regolaturi jiffirmaw għalihom qabel il-proċess jista’ isir.

L-istudji ‘human challenge’ jippermettu biex il-prova ta’ vaċċin issir aktar malajr, peress li wieħed ma jkunx irid jistenna biex in-nies ikunu esposti għal marda b’mod naturali.

F’dan il-każ, ir-riċerkaturi għandhom, l-ewwel, jużaw id-dożi kontrollati tal-virus biex jiskopru l-iżgħar ammont li kapaċi jikkaġuna infezzjoni bil-Covid-19 f’persuni bejn it-18 u 30 sena. Dawn in-nies għandhom l-iżgħar ċans li jġarrbu l-effetti ħżiena minħabba l-età żgħażugħa u l-istat ta’ saħħithom.

Jekk l-istudji jsiru skont il-pjan, ix-xjenzjati jistgħu jidħlu għal provi oħra li jiddeterminaw jekk vaċċin għal kontra l-Covid jevitax l-infezzjoni bil-virus.