Internazzjonali

Franza: Studenti arrestati dwar il-qtil tal-għalliem fis-suspettat attakk terroristiku

Erba’ studenti tal-iskola huma fost 15-il persuna li spiċċaw arrestati mill-pulizija wara l-qtil xokkanti ta’ għalliem li spiċċa b’rasu maqtugħa waqt attakk ‘partikulari’ minn suspettat estremista Iżlamiku.

L-attakk seħħ nhar il-Ġimgħa, barra l-iskola tal-għalliem f’Conflans -Sainte-Honorine – sobborg lejn il-majjistral ta’ Pariġi. Wara sar magħruf li l-għalliem, Samuel Paty, kien wera l-karikaturi kontroversjali tal-Profeta Mohammad ( il-fundatur tal-Islam) lill-istudenti tiegħu.

L-arrestati l-oħra fil-każ jinkludu erba’ qraba tal-qattiel ta’ Paty , il-missier ta’ student li kien jattendi l-klassijiet tal-vittma u persuna oħra magħrufa bħala radikali Iżlamiku.

Il-qattiel tal-għalliem – identifikat bħala Abdoulakh A ( u li kellu 18-il sena) — spiċċa maqtul hu wkoll mill-pulizija li marru jiġru fuq il-post fejn seħħ l-attakk. Intant, il-pulizija, s’issa, wettqu għexieren ta’ rejds fuq id-djar ta’ suspettati radikali Iżlamiċi u mistenni li r-rejds se jkomplu għaddejjin matul il-ġimgħa.

Il-poplu Franċiż għadu fi stat ta’ xokk dwar il-qtil. Dan waqt li għexieren ta’ eluf ta’ nies ħadu sehem f’numru ta’ rallies madwar il-pajjiż biex jonoraw il-memorja ta’ Samuel Paty u jiddefendu l-libertà tal-espressjoni.

F’nofs il-ġimgħa għandha ssir ċerimonja speċjali biex tonora lil Paty u li se tkun organizzata fl-Università ta’ Sorbonne, f’Pariġi.

Sadanittant, is-sorsi ġudizzjarji qalu li l-erba’ studenti li qed jinżammu taħt arrest ‘setgħu tħallsu l-flus biex jidentifikaw lil Paty b’mod li hu jispiċċa mira tal-aggressur’.

Ir-rapporti sostnew ukoll li student partikulari,  iben l-imsemmi missier li spiċċa arrestat, kien  beda kampanja online kontra Paty. Il-Ministru għall-Intern Franċiż, Gerald Darmanin, anki irrefera għal dan il-missier u raġel ieħor (ir-radikali Iżlamiku) bħala nies responsabbli minn ‘fatwa’ (il-ħruġ ta’ mandat għall-qtil ta’ persuna li jkun insulenta l-Islam) kontra l-għalliem.

Għaldaqstant, il-pulizija Franċiża f’dawn il-jiem se tkun qed tinterroga għexieren ta’ nies li bagħtu l-messaġġi fuq l-Internet biex jappoġġjaw il-qtil ta’ Samuel Paty.

Dan bil-għan li l-awtoritajiet ‘jiddistabbilizzaw movimenti ta’ nies perikolużi li qegħdin jixprunaw il-mibgħeda – u sussegwentement l-attakki fuq persuni — fuq bażi ta’ reliġjon.

Fl-istess ħin, il-Gvern Franċiż qed jinvestiga l-attivitajiet ta’ ftit aktar minn 50 assoċjazzjoni Franċiża-Musulmana. Il-ħsieb hu li tingħalaq kwalunkwe assoċjazzjoni li tinstab li qed tippromwovi l-mibgħeda u t-tensjoni fost is-soċjetà ta’ Franza.