Sport Waterpolo

Għandi ambizzjonijiet oħra f’ħajti u nixtieq inqatta’ iżjed ħin mal-familja speċjalment fis-sajf – Paul Fava

(Ritratt: Jonathan Bugeja)

“Iż-żmien qed jagħmel tiegħu. Għandi ambizzjonijiet oħra f’ħajti u nixtieq inqatta’ iżjed ħin mal-familja speċjalment fis-sajf.” Kliem Paul Fava li l-Ħadd 18 ta’ Ottubru se tibqa’ ġurnata memorabbli għalih hekk kif lagħab l-aħħar logħba fil-karriera tiegħu.

Fava fl-età ta’ 38 sena, temm il-karriera bir-rebħ tal-Kampjonat tas-Sajf u n-knock-out, f’karriera li fiha lagħab ukoll ma’ Sliema, Marsaskala u Sirens. Bla dubju li isem Fava jibqa’ l-aktar magħruf ma’ San Ġiljan, il-klabb li ngħaqad miegħu lura fl-2008.

Mal-Ġiljaniżi, Fava kien parti mill-era Ġiljaniża tal-aħħar snin, bit-tim jirbaħ tliet Kampjonati tas-Sajf, ħames darbiet in-knock-out, tliet darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa, tliet darbiet it-Tazza tal-President u darbtejn l-Enemed Cup.

Persuna mhux ta’ ħafna kliem iżda li bil-kwalità u l-esperjenza tiegħu kien importanti fl-aħħar snin biex il-Ġiljaniżi kisbu diversi unuri. Persuna li sħabu fit-tim kienu jħarsu lejh b’rispett kbir minħabba li t-tim Ġiljaniż hu bbażat fuq diversi żgħażagħ.

Fava li jibqa’ mfakkar għall-intelliġenza tiegħu fid-difiża, saħaq li hu kuntent dwar dak li rnexxielu jikseb fil-karriera għalkemm għandu dispjaċiri. Żgur ma kienx dispjaċir li ngħaqad ma’ San Ġiljan hekk kif tenna li fost il-ħafna esperjenzi ma’ kowċis, plejers Maltin u barranin, hu tgħallem ħafna.

Issa li Paul Fava rtira, il-mistoqsija fuq ħafna tkun jekk hux se jibqa’ jagħti kontribut fil-waterpolo lokali. Il-pjan tiegħu sa issa hu li jwarrab kompletament mix-xena. Iżda l-imħabba tiegħu lejn l-isport tista’ twassal biex fil-futur, naraw lil Fava jagħti kontribut f’pożizzjoni differenti minn dik ta’ plejer.