Coronavirus Lokali Saħħa

Għandna nieħdu aktar ħsieb lill-frontliners – Bernard Grech

Hu ta’ dispjaċir li għas-sena d-dieħla, il-Gvern ma għandu l-ebda ħsieb jgħin lill-frontliners fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Coronavirus.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa li kellu ma’ rappreżentanza tal-Infermiera quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.

Hu rringrazzjahom direttament għall-ħidma kontinwa u straordinarja li jagħmlu, li fi kliemu, għandha tiġi rikonoxxuta wkoll b’mod straordinarju mill-Gvern.

Akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja wkoll lill-qraba tal-frontliners, li wkoll jagħmlu s-sagrifiċċji tagħhom billi jonqsu huma milli jaraw lil dawk għeżież għalihom biex dawn ikunu jistgħu jsalvawlna ħajjitna.

Bernard Grech spjega li din il-laqgħa hi parti mill-ħidma li qed iwettaq it-Team ta’ Azzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-ħidma kontra l-pandemija tal-Coronavirus … Team ta’ Azzjoni mniedi mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu ftit tal-jiem ilu.

Min-naħa tiegħu, Stephen Spiteri appella lill-poplu Malti u Għawdxi kollu biex japprezza aktar il-ħidma siewja li qed jagħmlu l-frontliners. B’hekk, nuru li nemmen li s-Saħħa tkun prijorità għal kulħadd.

Bħala mediku hu nnifsu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li hu stess jifhem il-pressjoni li għaddej minnha l-frontliners waqt pandemija bħal din. Qal li dawn jagħmlu sagrifiċċji għal ħaddieħor u hu propju hemm fejn toħroġ il-kwalità taħghom li dak li jagħmlu jagħmluh minn qalbhom.

U Dr Michael Spiteri, Konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza, talab l-għajnuna ta’ kulħadd biex niġġieldu flimkien din il-pandemija. Hu appella lill-poplu kollu biex jieħu dawn l-isfidi mediċi bis-serjetà għall-ġid tagħhom u dawk kollha ta’ madwarhom.