Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jkompli jistkrutinja lill-Gvern, iżda wkoll li jaħdem biex terġa’ tinħoloq tama f’pajjiżna u fin-negozji li jħaddmu l-ekonomija tagħna.
Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa mat-tmexxija tal-Kamra tal-Kummerċ.
Hu qal dan anke fid-dawl ta’ stħarriġ li wera kif pajjiżna qed inaqqas sew fl-attrazzjoni tiegħu li jiġbed investiment. Iżda għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dan iċ-ċertifikat ħażin għall-Gvern ta’ Robert Abela mhux biss kawża tal-pandemija tal-Coronavirus, iżda anke minħabba d-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern Laburista fl-aħħar seba’ snin.
Bernard Grech kompla li dan kollu jistona mad-dikjarazzjoni li jagħmel Abela meta jgħid li kollox jinsab taħt kontroll. Hu għalhekk li l-politiċi għandhom l-obbligu jaraw li ma nibqgħux ninħbew wara miżuri li jsiru nofs kedda.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-partit immexxi minnu jrid li Malta terġa’ ssir pajjiż meqjus minn kulħadd bħala wieħed kredibbli, fejn il-Gvern tal-ġurnata ma jibqax jaħtaf l-istituzzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li l-Governanza Tajba għandha tkun prijorità għal kulmin għandu għal qalbu l-ġid tal-pajjiż. Hu għalhekk, kompla, li l-Kamra qed titkellem mal-Gvern, mal-Oppożizzjoni u ma’ partijiet interessati oħrajn, ladarba temmen fis-sehem ta’ kulħadd.
David Xuereb qal li l-Kamra mhix sorpriża b’dak li ħareġ fl-istħarriġ li juri kemm pajjiżna hu ta’ attrazzjoni, għalkemm esprima t-tama li naqilbu lura s-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun. Tenna li bħala pajjiż irridu nuru li lesti nieħdu passi kontra l-kriminali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mid-Deputati Claudio Grech, Clyde Puli u Claudette Buttigieg, li kollha jiffurmaw parti mit-Team ta’ Azzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Coronavirus.
//= $special ?>