Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ t-tarka tal-Frontliners fil-ħidma tagħhom. Għalhekk l-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex jibża’ għal dawn il-ħaddiema għax jekk titlef lill-Frontliners, ma ssibx tixtri oħrajn minnhom.
Hekk iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-Parlament, matul dibattitu mitlub mill-Oppożizzjoni, hekk kif pajjiżna għadu qed jiffaċċja l-pandemija tal-Coronavirus.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qatt ma ried jagħmel ballun politiku minn din is-sitwazzjoni għax dejjem emmen li s-saħħa tan-nies dejjem għandha tingħata prijorità.
Kompla li bħala pajjiż għandna x’nirringrazzjaw lill-Frontliners, li baqgħu jmorru għax-xogħol minkejja r-riskji għalihom u għal ta’ madwarhom. Hawn, hu semma’ lid-diversi professjonisti meqjusa bħala Frontliners … mhux biss l-Infermieri, iżda anke l-Pulizija, il-Gwardjani Lokali, il-Pustiera, in-nies tan-negozju, li jaħdmu fil-Banek u Għalliema, fost oħrajn.
Quddiem dawn l-isfidi, kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Gvern għandu l-obbligu jgħid il-verità lill-poplu. Għax filwaqt li qabel is-Sajf, is-sitwazzjoni bdiet titjieb sew, appena intervjena l-Prim Ministru, morna l-baħar.
Bernard Grech qal li l-poplu għadu qed jistenna spjegazzjoni mill-Gvern dwar x’wassal għall-virus u l-fatalitajiet fost l-anzjani, iżda fuq kollox, li Robert Abela ma jibqgħux imexxu bil-politika tax-xejn mhu xejn.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-poplu biex jikkollabora mal-awtoritajiet tas-saħħa għax, ladarba ninsabu lkoll fl-istess dgħajsa, għandna nifhmu li hu biss flimkien li nistgħu negħlbu din il-pandemija.
Filwaqt li tenna l-appell lill-Gvern għal aktar investiment fl-iswab tests u fis-sistemi tal-contact tracing, Bernard Grech fakkar ukoll li l-Gvern irid jara li din il-pandemija ma tkompli tagħmel il-ħsara lil setturi importanti oħrajn, bħall-Edukazzjoni u l-Ekonomija, fost oħrajn.
//= $special ?>