Lokali Qorti

Il-Qorti ma taqbilx li karozza titgħabba fuq il-‘low loader’ wara li x-xufier tal-eks Ministru Mallia spara fuqha

Il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li ma taqbel xejn mal-ordni li kienet ingħatat biex il-karozza ta’ Skoċċiż li kienu sparati tiri lejha mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia għax tispiċċa fuq il-low loader. Dan wara sempliċiment laqatlu l-mera.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet qed tikkummenta fuq il-każ ta’ Peter Paul Sheehan ta’ 46 sena mill-Gżira fejn il-karozza Ministerjali li kien qed isuq spiċċat f’inċident stramb kważi sitt snin ilu meta huwa spara żewġ tiri lejn Stephen Smith.

F’Marzu tal-2017 l-akkuża ewlenija dik ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ Paul Sheehan, l-eks xufier tal-Ministru Manwel Mallia, kienet twaqqgħet. Sheehan kien akkużat ukoll fost oħrajn b’attentat ta’ qtil f’inċident li seħħ f’Novembru tal-2014 meta saq wara vettura misjuqa minn Stephen Smith u spara mill-inqas żewġ tiri fid-direzzjoni tal-karozza tiegħu.

Dan wara li Smith kien laqat il-mera tal-karozza tal-Ministru li kienet ipparkjata fi Triq Nicolas Cottoner fil-Gżira. Tliet snin u nofs ilu l-Maġistrat Aaron Bugeja li l-Avukat Ġenerali iddeċieda li l-proċess kontra Sheehan mhux se jkun fil-forma ta’ ġuri u li kien waqqa’ l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil.

Paul Sheehan spiċċa akkużat b’intimidazzjoni b’użu ta’ arma, pussess ta’ arma mingħajr raġuni valida, li spara arma f’post pubbliku u li qabeż il-limitu tal-awtorita’ tiegħu u li wettaq reat li kien fi dmir li jwaqqaf.

L-inkjesta li kienet twaqqfet sabiex tinvestiga l-inċident, kienet ikkonkludiet li Sheehan kien spara żewġ tiri fid-direzzjoni tal-karozza Vauxhall Insigna u li kien hemm tentattiv ta’ ‘cover-up’ minn persuni qrib Sheehan.

Biex jitgħatta kollox kienet ingħatat l-ordni sabiex il-vettura misjuqa minn Smith tmur fuq il-low loader u dan ghal fatt li din tpoggiet fuq il-‘low loader’ qabel ma kienu waslu l-esperti u l-investigaturi.

Il-Qorti tal-Appell qalet li dwar dan tqis li ghalkemm ma taqbilx ma’ tali ordni u dan peress li xejn ma kellu jiccaqlaq minn fuq il-post fejn instabu l-vetturi, l-appellant naturalment ma jaħti xejn dwar din l-ordni, qalet li ma kienx Sheehan li appella mis-sentenza li ordna sabiex dan isir.

Madankollu l-Qorti qalet li Sheehan ħareġ barra mill-qies għax bħala uffiċjal tal-Korp talPulizija kellu l-jedd li jwiddeb lil Smith li ma jitlaqx minn fuq il-post wara li laqghat Huwa nstab ħati wkoll li bħala uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija wettaq reati li huwa kellu jissorvelja li ma jsirux.

Sinifikanti huwa l-fatt li minkejja li Stephen Smith kien jinsab barra l-vettura qabel ma ħarab minn fuq il-post ftit qabel ma seħħew l-isparaturi, Sheehan ma sparax iżda spara hekk kif Smith saq minn fuq il-post.

Sinifikanti wkoll qalet il-Qorti huwa l-fatt li Sheehan lanqas ma spara hekk kif il-vettura saqet minn quddiemu u cioe’ ma sparax fid-direzzjoni tal-windscreen iżda hekk kif il-vettura telqet u għalhekk it-tiri kienu indirizzati għal fuq wara tal-vettura.

Ghalhekk din il-Qorti kuntrarjament ghal dak li qieset l-Ewwel Qorti tqis li ġie ppruvat fuq bażi ta’ probabbli li dak li ried jagħmel l-appellant kien li jwaqqaf il-vettura misjuqa minn Stephen Smith.

Il-Qorti qalet iżda li b’daqshekk ma hija bl-ebda mod tgħid li huwa kien korrett meta uża l-arma, biss pero’ ma jfissirx li l-fatt li ghażel li jispara zewġ tiri lejn l-vettura biex jikkawża ħsara u li jikkaġuna ferita fuq Smith.

Il-Qorti qieset ukoll li l-mod ta’ kif aġixxa Sheehan wara li spara u kliem li jinstemgħu fit-telefonati fosthom ‘sparajt fuqu’ u ‘Ibgħatli għax ha nibqa’ ntih it-tiri sakemm tiġu’, u fejn f’telefonata ohra jgħid ‘Ara ma tqumx! Ara ma tqumx għax fuqek naħlih … Sparajt fuqu jien diġa’ u ‘Irringrazzja lil Alla li ma tgħajthomx fuqek it-tiri għax fuqek kont naħlih.

“Purċinell kollok int. Irringrazzja lil Alla li ma sparajtx fuqek.” ilkoll setghu taw l-impressjoni li l-appellant kien spara bl-intenzjoni li jolqot lil Smith u jikkawża ħsara fiżika, biss pero’ qalet il-Qorti wieħed irid iqis l-intenzjoni tal-appellant qabel spara u mhux ir-rabja li wera wara li kien diġa spara.

Il-Qorti qalet ukoll li fuq il-provi mressqa mhijiex konvinta li Sheeha kellu l-intenzjoni li jikkawża ħsara fiżika fuq Smith. Il-Qorti tal-Appell qalet li meta qieset kollox naqset il-kundanna bi grad, anke jekk xorta waħda baqgħet fit-terminu ta’ sentenza ta’ ħabs sospiża.

Il-Qorti irrevokata fejn minn 22 xahar priġunerija sospiżi ghal tliet snin, ikkundannatu għal 15-il xahar ħabs sospiżi ghal tliet snin