Internazzjonali

Ir-Russja: Inizjattiva biex testendi l-patt nukleari mal-Istati Uniti

Ir-Russja qalet li għandha tkun lesta biex ‘tiffriża’ l-ammont totali tal-warheads nukleari tagħha f’każ li l-Istati Uniti timpenja ruħha biex tieħu l-istess azzjoni.

Id-diskors minn Moska jidher bħala parti minn inizjattiva biex l-aħħar trattat ‘kbir’ għall-kontroll tal-armi bejn dawn is-super-potenzi jkun estiż b’sena.

Fl-istess ħin, l-offerta tar-Russja – li qed issir ġimgħatejn qabel l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti – qed tidher li naqqset id-differenzi bejn Moska u Washington dwar x’għandu jsir mill-ftehim New START li suppost jiskadi fi Frar li ġej.

L-Istati Uniti, il-ġimgħa l-oħra, kienet ċaħdet l-offerta tar-Russja biex il-patt ikun estiż għal sena ‘mingħajr kundizzjonijiet’.

Iżda għalkemm l-Amerikani qalu li ma kenux se jaċċettaw sitwazzjoni fejn il-warheads (armi) nukleari kollha jispiċċaw iffriżati, stqarrija pubblikata mill-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin qed tissuġġerixxi li ż-żewġ pajjiżi, issa, jinsabu eqreb taż xulxin rigward il-kunċett.

It-trattat New START, iffirmat fl-2010, jimponi l-limiti għall-ħażniet tal-armamenti nukleari strateġiċi tar-Russja u l-Istati Uniti.