Internazzjonali

Iżrael-Emirati Għarab: Qbil dwar kunċett tal-ivvjaġġar storiku

Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda qablu dwar il-kunċett tal-ivvjaġġar reċiproku lejn l-artijiet tagħhom, mingħajr il-ħtieġa ta’ visa.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, tenna li grazzi għal dan il-qbil, iċ-ċittadini tal-Emirati se jkunu l-ewwel ċittadini li ġejjin mid-Dinja Għarbija li mhumiex se jirrikjedu l-visas biex imorru fit-territorji Iżraeljani.

Netanyahu, fl-aħħar sigħat, laqa’ delegazzjoni ta’ uffiċjali mill-Emirati Għarab li għamlet żjara storika f’Iżrael. Dan wara l-konklużjoni, ix-xahar li għadda, tal-ftehim għal relazzjonijiet normali bejn l-Iżraeljani u t-tmexxija ta’ dan l-Istat tal-Golf Persjan.

Id-delegazzjoni ħadet sehem f’taħditiet fit-tul f’Iżrael u wara, il-Prim Ministru Iżaeljan ikkonferma li ċ-ċittadini ta’ pajjiżu qed ikunu eżenti mill-visas għall-ivvjaġġar lejn l-Emirati Għarab Magħquda….Dan il-pass fih innifsu wkoll qed jitqies bħala wieħed storiku.

Il-ftehim sar possibbli wkoll bl-impenn tal-Istati Uniti li kienet strumentali ħafna fl-avviċinament ta’dawn iż-żewġ pajjiżi.