Budget 2021 Sport Sport Ieħor

L-entużjasti tal-Motorsport diżappuntati, wara li numru ta’ proposti kienu minsija fil-budget

(Ritratt: Alex Buttigieg)

Il-Malta Motorsport Federation fi stqarrija qalet li wara li segwew il-miżuri mħabbra fil-budget ta’ lbieraħ mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna huma jisabu diżappuntati li mill-11-il miljun ewro allokati għall-isport f’pajjiżna, l-ebda fondi ma kienu allokati għall-iżvilupp tal-motorsport.

L-MMF qalet li fil-ġranet u x-xhur li għaddew ippreżentat numru ta’ proposti lill-Gvern fosthom talba ta’ għajnuna finanzjarja lill-klabbs tal-motorsport meta jorganizzaw attivitajiet f’pajjiżna, liema talbiet ġew injorati mill-Gvern.

L-MMF innotat ukoll li wara seba’ snin ta’ dan il-Gvern u wara l-wegħdiet elettorali li l-motorpsort f’pajjiżna jkollu l-faċilitajiet meħtieġa, dawn il-wegħdiet ma kinux msemmija fil-qari tal-Budget. Huma żiedu jgħid li apparti li dawn il-wegħdiet kienu minsija, it-talba tal-assoċjazzjoni sabiex atleti lokali tal-motorsport jingħataw fondi biex ikunu jistgħu jitħarrġu barra pajjiżna wkoll ġiet injorata.

Filwaqt li l-MMF irikonoxxiet il-fatt li kien hemm miżuri tajbin fosthom it-tnaqqis ta’ 35% fil-ħlas tal-liċnezja għal min jagħżel li jsuq il-karozza personali fil-weekends u fil-festi pubbliċi, l-assoċjazzjoni uriet id-diżappunt tagħha għal kif il-Gvern għal darb’oħra nesa l-motorsport f’pajjiżna.