Futbol Sport

L-ewwel test diffiċli għal Ħamrun

(Ritratt: Ħamrun)

Bejn illejla u għada tintlagħab il-ħames ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier fejn jispikka l-konfront ta’ llejla bejn Ħamrun Spartans u Birkirakra. Ħamrun dan l-istaġun huma wieħed mit-timijiet li se jkunu qegħdin jisfidaw għar-rebħ tal-unuri dan l-istaġun, fejn mill-ewwel erba’ partiti, rebħuhom l-erbgħa li huma. Minn naħa tagħhom Birkirkara se jkunu qed jittamaw li jpattu għall-bidu diżastruż li kellhom fejn mill-ewwel erba’ logħbiet ħadu biss punt wieħed.

Wara r-rebħa kontra Senglea, Sliema se jkunu qed jittamaw li jżommu l-pass ma’ Ħamrun meta jilgħabu kontra Gudja, bit-tim imexxi minn Jesmond Zammit, dan l-istaġun ukoll kellu bidu pożittiv fejn minn erba’ partiti kisbu seba’ punti.

Hibs kienu l-aktar tim li ħareġ diżappuntat mill-partita ta’ nhar il-Ħadd kontra Valletta fejn minkejja li ħoloq bosta ċansijiet naqas milli jikseb it-tliet punti. Huma se jkunu qed jittamaw li jagħmlu dan kontra Mosta, bit-tim Mosti se jkun ferm differenti minn dak li tilef 6-1 kontra Gżira għaliex irritornaw lura numru ta’ plejers li kienu fi kwarantina.

Iċ-champions Floriana se jkunu qed jittamaw li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa xejn mistennija kontra Santa Lucia. Huma se jkunu qed jaffaċċjaw lil Senglea li minn naħa tagħhom qed isibuha diffiċli dan l-istaġun fil-Kampjonat Premier hekk kif mill-ewwel erba’ partiti kisbu punt u jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika.

Gżira jidhru li qabdu r-ritmu fejn wara l-bidu mhux daqstant tajjeb li kellhom fejn tilfu kontra Floriana fl-ewwel partita jinsabu fit-tielet post b’seba’ punti. Huma se jilgħabu kontra Lija Athletic fejn fl-ewwel erba’ partiti tagħhom kisbu erba’ punti fosthom draw kontra Birkirkara.

Wara l-ewwel rebħa tagħhom fil-Kampjonat Premier, Żejtun jilgħabu kontra Balzan, f’partita li tista’ tmur kull naħa, b’Balzan jkollhom bidu ftit aħjar minn ta’ Żejtun fejn rnexxielhom jiksbu seba’ punti.

Il-partita bejn Valletta u Sirens ġiet posposta minħabba li Sirens għandhom numru ta’ plejers fi kwarantina.

Kampjonat BOV Premier

Illejla: Centenary Stadium: Lija v Gżira 5.00pm, Żejtun v Balzan 9.15pm, National Stadium: Tarxien v Santa Lucia 5.00pm, Ħamrun v Birkirkara 9.15pm Għada: Centenary Stadium: Mosta v Hibernians 5.00pm, Valletta v Siren posp., National Stadium: Floriana v Senglea 5.00pm, Sliema v Gudja 9.15pm