Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs tal-PL jiddefendu l-bejgħ tal-passaporti

Fl-aħħar 24 siegħa ħareġ ċar u tond li parti kbira mill-Ekonomija Maltija, apparti mill-Fondi Ewropej, qed isserraħ b’mod qawwi fuq l-Iskema tal-Bejgħ taċ-Ċittadinanza. Ammissjoni li għamel l-istess Prim Ministru Robert Abela mumenti biss wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna preżenta l-budget għas-sena d-dieħla.

Madanakollu waqt li l-istess Scicluna kien fil-parlament jaqra d-dokument tal-budget, sar magħruf li l-Unjoni Ewropea ser tieħu passi legali fil-konfront tal-Gvern dwar din l-iskema.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Vera Jourova, saħqet li ma jistax ikollok dik li sejħet weak link, fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus. Għaldaqstant insistiet li l-passaporti tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux ikunu għal bejgħ.

Minkejja din l-istqarrija mingħajr kantunieri, mistoqsija dwar din l-iskema minn Net News, il-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti Josianne Cutajar u Alex Agius Saliba ddefendew il-bejgh tal-passaporti.

Ta’ min wieħed jinnota li fl-ebda mument ma’ ċaħdu l-fatt li l-Gvern Laburista qed jiġi investigat b’rabta ma’ allegati kickbacks marbuta mal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, minflok insistew li qed isir titjib fiċ-checks and balances.

Dan filwaqt li sar magħruf li nhar il-Ħamis is-suġġett tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ser tkun fuq l-aġenda tal-plenarja fil-Parlament Ewropew.

Intant mistoqsija jekk il-Gvern setax jagħmel aħjar biex jaġevola t-telework, l-MEP Agius Saliba ammetta li għad irid isir ħafna f’dan il-qasam.