Lokali

“Min qed jitlob, qed jitlob b’kapriċċ” – Edward Scicluna

“Vera trid tonfoq, imma ma tistax tonfoq b’kapriċċ,” qal Edward Sciluna. “Pajjiżna ma rebaħ l-ebda lotterija. Pajjiżna għall-bżonn se jkollu jonfoq minn ġewwa.”

Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna stqarr dan filwaqt li żied jgħid li għas-sena li ġejja se jkun hemm 6% inqas fid-dħul ghall-Gvern.

F’konferenza tal-ahbarijiet f’Kastilja, kemm Edward Scicluna kif ukoll Chris Fearne spiccaw jammettu li l-Gvern mhux se jwaqqa’ id-deal tal-isptarijiet, tant li l-Budget jalloka  €90 miljun lil Steward Healthcare.

“Il-konċessjoni hi ffirmata u rridu nibqgħu nonorawha sakemm ma jkunx hemm xi tibdil differenti,” qal Chris Fearne. “Il-pagi rridu nibqgħu nhalsuhom, il-professjonisti tagħna nħalsuhom, il-mediċini rridu nibqgħu ntuhom lil pazjenti tagħna. Is-servizz tas-saħħa ġewwa Għawdex u Karen Grech irid ikompli għaddej. Allura, iva anke f’dan il-budget bilfors irridu nallokaw fondi lil Steward Health Care.”

U meta mistoqsi dwar il-vaċċin tal-influwenza li spiċċa fi żmien ġimgħa, b’numru kbir ta’ persuni li ma kellhomx l-opportunità li jieħduh, Fearne ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ suċċess …minghajr ma qal meta ġejja l-kunsinja li jmiss.

“Il-vaċċin tal-influwenza – dak huwa storja ta’ suċċess kbira,” qal Fearne.

Fl-istess konferenza, il-Ministru għall-Finanzi qal li l-budget jgħin lill-ħaddiema li jinsabu għaddejjin minn żmien diffiċli fil-finanzji.