Internazzjonali

Nagorno-Karabakh: Lejn taħditiet fl-Istati Uniti bit-tama li jieqaf il-konflitt

L-Armenja u l-Ażerbajġan qalu li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tagħhom, nhar il-Ġimgħa, għandhom jiltaqgħu, f’Washington, mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo. Dan bit-tama li jintemm l-aktar ġlied qalil mis-snin disgħin dwar il-kontroll ta’ Nagorno-Karabakh – u meta l-aħħar battalji ilhom għaddejjin mix-xahar li għadda.

L-indikazzjonijiet huma li l-Istati Uniti, issa, qed iżżid l-involviment tagħha fl-inizjattivi lejn konflużjoni ta’ konflitt li qatel il-mijiet tan-nies, mis-27 ta’ Settembru.

S’issa, ir-Russja ħadet l-inizjattiva għall-proċessi ta’ medjazzjoni dwar il-kriżi ta’ Nagorno-Karabakh – reġjun ikkontrollat mill-Armeni-etniċi u li jifforma parti mit-territorju tal-Ażerbajġan. Madankollu, żewġ ftehim għall-waqfien mill-ġlied ( s’issa) li kienu sponsorjati minn Moska ma waqqfux l-ostilitajiet.

Fil-fatt, l-Armeni u l-Ażeri t-tnejn ikkonfermaw aktar waqtiet ta’ ġlied f’Nagorno-Karabakh u l-madwar.

L-Uffiċjali f’Nagorno-Karabakh irreferew għal aktar sparaturi ta’ artillerija fost il-ġlied intensiv fl-inħawi lejn in-nofsinar taz-zona ta’ konflitt. L-awtoritajiet fl-Ażerbajġan ukoll kellhom rapporti dwar ostilitajiet ‘kbar’, fost rapporti li l-qawwiet tal-Armenja kienu qed jibbumbardjaw liz-zoni Ażeri ta’ Terter u Aghdam.

Ingħad li mietu aktar għexieren ta’ membri tal-qawwiet tad-difiża ta’ Nagorno-Karabakh u meta żdiedet il-possibbiltà li t-Turkija (alleata tal-Ażerbajġan) u r-Russja (li għandha patt tad-difiża mal-Armenja) ukoll jispiċċaw parti mill-konflitt.

Intant, kien mistenni li l-Ministru Ażeri għall-Affarijiet Barranin, Jeyhun Bayramov, jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-‘Minsk Group’ – l-osservatur tas-sigurtà tal-OSCE u li qed jitmexxa mir-Russja, l-Istati Uniti u Franza.

Fi żviluppi oħra, it-Turkija ċaħdet akkużi li qed tibgħat il-merċenarji mill-konflitti tas-Sirja u l-Libja biex jiġġieldu f’Nagorno-Karabakh. Il-kelliema f’Ankara enfasizzaw ukoll li l-militar Tork mhux qed ikun involut direttament fil-battalji bejn il-qawwiet Armeni u Ażeri.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Armenja, Armen Sarkissian, akkuża lit-Turkija b’li qed tiddistabbilizza lir-reġjun tan-naħa t’isfel tal-Kawkasu, minħabba l-appoġġ sostanzjali tagħha lill-Ażerbajġan. Fl-istess ħin, Sarkissian qal li mhux favur li jsir xi intervent militari mir-Russja jew min-naħa ta’ pajjiżi oħra u li kapaċi jwassal għal ‘Sirja ġdida’ fl-inħawi ta’ Nagorno-Karabakh.