Lokali Qorti

Nofs miljun ewro għal Keith Schembri wara ‘deal’ irregolari

L-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, daħħal nofs miljun ewro minn bejgħ ta’ ishma ta’ ristorant li spiċċa jgawdi minn kirja li kellha l-General Workers Union minghand il-Gvern.

Ħames snin ilu, kien magħruf li bejn April 2014 u Mejju 2015, il-GWU kienet qed tikri parti mill-Workers Memorial Building, tant li l-Union kienet qed iddaħħal flus minn kirja li hi stess kienet qed tgawdi minnha mill-Gvern.

Iżda bi ksur tal-kuntratt mal-Gvern, it-tmexxija tal-GWU kienet kriet partijiet mill-binja lil entitajiet privati u anke lill-ARMS. Dwar dan, f’Ottubru 2015, l-Awditur Ġenerali kien sab ksur tal-kuntratt u irregolaritajiet, ladarba l-Union ma kellha l-ebda sehem fl-ARMS jew fl-entitajiet kummerċjali l-oħrajn.

Meta dan il-każ ħareġ fil-pubbliku, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kienu fetħu kawża kontra l-GWU, l-Avukat Ġenerali, l-ARMS u anke Sciacca Grill – ir-ristorant li kien propjetà ta’ Keith Schembri u li bigħ l-ishma tiegħu fih għal €500,000.

Fil-Qorti, is-sid il-ġdid ta’ Sciacca, Emanuel Zammit, żvela ċ-ċifra li Schembri daħħal għall-ishma f’negozju li kien qed isir bi ksur ta’ kuntratt mal-Gvern. Zammit spjega wkoll li bil-kiri ta’ parti mill-Workers Memorial Building, ħallas kera ta’ €32 kuljum.

Fix-xhieda tiegħu, sid ir-ristorant qal ukoll li għall-bejgħ tal-ishma ta’ Schembri lil Zammit ma saret l-ebda skrittura bejniethom.