Lokali

Pajjiżna għandu bżonn pjan ta’ tama għal għada aħjar – Bernard Grech

L-għada li Robert Abela ftaħar li ressaq l-aqwa Budget fl-istorja, il-fiduċja f’pajjiżna minn investituri barranin tinsab fl-anqas livell li qatt kienet fl-aħħar 16-il sena.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, ingħad li din hi r-realtà ta’ pajjiżna llum u li issa ħarġet b’mod ċar fil-beraħ. Din ir-realtà ma tistax tingħeleb bi kliem sabiħ u fieragħ jew b’dikjarazzjonijiet bombastiċi, stickers jew sinjali madwar il-Belt.

L-ammont ta’ nies jgħidu li Malta mhix destinazzjoni tajba għal investiment kiber u agħar minhekk, il-fatturi li l-aktar kienu jagħmlu lil pajjiżna attraenti ħames snin ilu, it-trasparenza u qafas politiku u legali b’saħħtihom, issa jinsabu f’qiegħ il-lista.

L-istqarrija tkompli li din is-sitwazzjoni ġabha fuq pajjiżna l-Partit Laburista, mhux minħabba l-pandemija, iżda għax il-predeċessur ta’ Robert Abela, Joseph Muscat, rebaħ il-premju tal-aktar politiku korrott fid-dinja fl-2019.

Dan hu r-riżultat ta’ snin ta’ tmexxija li ppermettiet l-impunità, il-laxkezza, in-nuqqas ta’ governanza tajba u li ma saħħitx l-ekonomija u lanqas iddiversifikata. Dan filwaqt li f’dawn is-snin, Abela kien jattendi l-laqgħat tal-Kabinett u kien Konsulent tal-istess Kabinett.

Ilbieraħ Robert Abela u l-Ministri tiegħu libsu maskri sbieħ. Iżda llum dawk il-maskri qed jaqgħu. Inkunu nistgħu nħarsu ‘l quddiem meta nkunu moħħna mistrieħ mill-preżent. Tħares ‘il quddiem meta jkollok pjan li jtik tama għal għada aħjar, temmet tgħid l-istqarrija.