Lokali

“X-ray ta’ Gvern li għejja; żieda li tiswa daqs slice roly poly fil-ġimgħa” – SĦPN

“Iż-żieda ta’ €1.75 li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi għall-Baġit 2021 hija l-ekwivalenti ta’ porzjon ta’ roly poly!. Daqshekk qalilna li għoliet il-ħajja matul is-sena li għaddiet. U dan skont il-ftehim tal-COLA miftiehem bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern fis-snin 90. Dal-Gvern għadu ma ħassx il-ħtieġa li dan il-mekkaniżmu jkun rivedut biex jirrifletti verament l-għoli esaġerat tal-ħajja li l-poplu Malti jaffaċċja kull darba li jmur jixtri l-bżonnijiet ta’ kuljum.”

Kien dan li ħareġ fi stqarrija mis-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) fejn komplew jgħid li għax għal Robert Abela u l-klikka tiegħu b’ €1.75 u mingħajrhom mhux xorta! Lil min idaħħal €500 kuljum mill Malta Enterprise jew għandu numru ta’ konsulenzi tal-Gvern li jlaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro fis-sena, jew jgħix ħajja lussuża, mhux veru jħoss il-polz tal-poplu. U għalhekk dan kien baġit li ma jħarisx fit-tul, baġit riċiklat u li l-miżuri tajbin li fih se jkunu biss fl-immedjat jew saħansitra sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

SĦPN tistaqsi fejn hi l-istrateġija fit-tul li minnha jiggwadanja u jserraħ rasu l-ħaddiem u n-negozjant Malti għal wara l-pandemija. Liema huma n-niċeċ ġodda li jiggarantixxu xogħol ta’ kwalita ahjar għall-Maltin u l-Għawdxin? SĦPN tkompli tistaqsi kif l-aqwa kabinett fid-dinja għadu ma lestiex l-istrateġija fit-tul għal pajjiżna. X’qed jistenna l-Gvern? Li pajjiżi kompetituri tagħna jkunu ppreparati qabilna? Jidher ċar li dan il-Gvern għejja apparti li qed jaqa’ biċċiet bl-iskandli li hu stess daħal fihom.

Huma komplew jgħidu li filwaqt li nilqgħu ż-żieda ta’ ġurnata leave u xi żidiet supplimentari f’numru ta’ bonuses u t-tnedija mill-ġdid tal-proposta tal-PN fejn jidħlu l-vouchers. Biss nistaqsu, fejn huma l-innovazzjoni u l-ideat il-ġodda? Jidher ċar li se nibqgħu mwaħħlin mal-importazzjoni tal-ħaddiema li jitħallsu bil-boqxiex u mal-politika taċ-cheap labour. Lanqas fil-qasam mediku m’hemm is-serħan tal-moħħ. Flok il-Gvern ħa lura l-isptarijiet biex jużahom f’din l-isfida, se jkollu jixtri numru ta’ sodod fi sptarijiet privati hekk kif il-posponiment tal-operazzjonijiet qed ikompli jiżdied u numru ta’ professjonisti fil-qasam mediku qed jispiċċaw jagħmlu xogħol li jista’ jsir minn xi ħadd klerikali. Ma smajna xejn fuq inċentivi konkreti lill-Air Malta u l-impjegati tagħha li għaddejin mill-agħar żmien possibbli minn kemm ilha mwaqqfa din il-kumpanija li saħansitra keċċiet 69 bdot fix-xhur li għaddew filwaqt li qed tagħsar lill-kumplament tal-impjegati l-oħra.

SĦPN kienet tippretendi li l-Gvern iħallas ħlas adekwat ta’ iktar mis-7ċ li qed iħallas għal kull min għandu l-pannelli solari u li investew eluf ta’ ewro sabiex jixtru dawn il-pannelli. X’ differenza mill-25ċ għal kull unit li kien iħallas Gvern Nazzjonalista. Konna nippretendu li l-Gvern iħabbar kif se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u ma jibqax marbut mal-kuntratt korrott tal-Electrogas li rabat lill-poplu Malti iħallas anke għall-enerġija li ma nużawx għat-18-il sena li ġejjin. Spiża ta’ €90 miljun ewro fis-sena li bihom dan il-Gvern seta’ tejjeb u għen lil l-kumplament tal-poplu Malti u setturi f’diffikulta’ u fl-istess ħin jixtri l-enerġija minn fejn ikun jaqbel permezz tal-interconnector.

SĦPN tinnota li għalhekk dan kien baġit tal-lip service u li bħal ta’ qablu jidher sabiħ. Jekk tħares fid-dettall issib numru ta’ miżuri u suppost inizjattivi ripetuti minn baġit għall-ieħor. Effetivament minn kien fir-riskju tal-faqar jew effetivament fil-faqar baqa’ fejn kien filwaqt li dawk li huma mgħobbijin bil-piżijiet tad-djun minħabba li xtraw sempliċi appartament xorta iridu jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma’ mijiet ta’ ewro fix-xahar f’interessi.