Internazzjonali

Afganistan: Imutu fir-rassa huma u japplikaw għal visas

Mietu talanqas ħdax-il mara – b’ħafna oħrajn jisfaw midruba – waqt rassa kbira ġo stadium tal-isports, fejn folla kbira ta’ nies kienu qed japplikaw għall-visas.

L-inċident traġiku, fil-belt ta’ Jalalabad, seħħ wara li ‘eluf’ inġabru fl-inħawi biex jitolbu d-dokumenti bil-għan li jivvjaġġaw lejn il-Pakistan. L-applikanti, qabel, kienu ngħataw l-istruzzjonijiet biex jinqdew mill-uffiċjali fl-istadium minflok mis-soltu ċentru għall-ipproċessar tal-visas, f’Jalalabad.

L-applikazzjonijiet għall-visas lejn il-Pakistan reġgħu saru possibbli fl-Afganistan wara pawża ta’ seba’ xhur dovuta għall-pandemija tal-Covid-19.

Intant, ir-rapporti qalu li n-nies li kienu qed jistennew għall-visa fl-istadium ‘issaraw ma xulxin’ biex jieħdu d-dokumenti mingħand l-uffiċjali tal-konsulat u bir-riżultat li ‘seħħet rassa fatali ladarba ntilef il-kontroll tal-folla’

L-Ambaxxatur Pakistani għall-Afganistan, Mansoor Ahmad Khan esprima niket għat-traġedja u qal li pajjiżu ‘qed jikkollabora mal-awtoritajiet Afgani biex jiffaċilitaw u jtejjbu l-proċessi għall-persuni li jridu japplikaw għall-visas’.