Lokali Parlament

Daphne Caruana Galizia u Simon Busuttil dejjem kellhom raġun

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia dejjem kellha raġun f’dak kollu li kitbet; l-istess kif kellu raġun l-ex Kap tal-PN Simon busuttil meta mr il-qorti u ppreżenta dokumentazzjoni fil-files dwar il-korruzzjoni tal-Gvern Laburista.

Fl-Aġġornament tal-parlament id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar it-tielet sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qalet li l-poplu ma fehmx mill-ewwel dak li kien seħħ fil-pajjiż.

Il-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia

Fil-pajjiż inħoloq vojt fejn is-soċjetà ċvili kellha rabja anki għall-klassi politika li kienet assenti ħlief għal gruppi żgħar.

Claudette Buttigieg kompliet li tliet snin wara l-qtil, il-każ għadu ma ssolviex u l-Prim Ministru Abela u l-ex Prim Ministru Muscat jiżgwidaw lill-pajjiż meta jgħidu li l-każ issolva.

Claudette Buttigieg qalet li Daphne Caruana Galizia kellha raġun meta kulħadd ħaseb li kienet goffa fi kliemha u anki meta kien hemm min ħaseb li Daphne weġġgħat nies bi kliemha. Hi faħħret lis-soċjetà ċivili u qalet li dawn lilha għallmuha li kien hemm vojt fis-soċjetà. Kemm kellu raġun ukoll il-PN li tkellem dwar dak li seħħ.

Hi sellmet lill-ex Kap tal-PN Simon Busuttil li kkundanna l-qtil ta’ Daphne Caruana Glaizia u sostniet li kien hu li lilha xprunaha biex il-ħidma ma tieqafx hemm. Iż-żmien tah raġun, sostniet Claudette Buttigieg u kompliet li llum hu konfermat li l-files li ħa l-qorti kienu mimlja dokumenti.

Simon Busuttil kien ressaq il-provi fil-Qorti f’Mejju tal-2017

Claudette Buttigieg qalet li klieku għadha ħajja Daphne żgur kienet tikkummenta dwar il-fatt li l-ex ministru Konrad Mizzi jpoġġi fin-naħa tal-gvern qisu xejn mhu xejn u kollox jibqa’ għaddej. Il-gvern m’għandux kuraġġ jgħid lil Konrad Mizzi biex ma jpoġġix ħdejhom.

Hi qalet li tħossha sodisfatta u kburija li l-Kap tal-PN Bernard Grech mar il-Bidnija jsellem lil Daphne Caruana Galizia għaliex dan jirrapreżenta l-pożizzjoni ta’ parti kbira tal-poplu Malti.

Il-Kap tal-PN Bernard Gerch fil-Bidnija jsellem lil Daphne Caruana Galizia

Claudette Buttigieg sellmet lill-infermiera u l-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei u qalet li s-sitwazzjoni fl-isptar mhix sabieħa anki bħalissa minħabba l-COVID-19 iżda dawn il-persuni qed jagħmlu xogħol kbir bir-riskji kollha li dan ix-xogħol iġib miegħu.

Claudette Buttigieg sellmet lil Fredrick Azzopardi propju fil-ġurnata tal-funeral tiegħu f’Għawdex u qalet li Fredrick kien itiha pariri siewa fil-bidu tal-karriera politika. Fredrick qatt ma kien jgħid kontra persuni ħodda u kien ġentlom li baqa’ sal-aħħar, sostniet id-deputat Nazzjonalista.