Futbol Sport

Darmanin Demajo bl-ewwel intervista esklussiva fi 15-il xahar

15-il xahar wara li spiċċa minn President tal-Malta Football Association, Norman Darmanin Demajo se jkun qed jagħti l-ewwel intervista fil-media lokali, mingħajr aġenda u b’mistoqsijiet diretti u mingħajr kantunieri tal-Kap tat-Taqsima Sport ta’ Net Television u producer eżekuttiv tal-programmi Replay li jixxandru fuq l-istess stazzjon, Christian Micallef. Din l-intervista hi parti mir-rubrika popolari ta’ kull ġimgħa u li tixxandar f’Replay tal-Ħadd filgħaxija, ‘Replay Drive’.

Darmanin Demajo se jkun qed iwieġeb domandi dwar diversi temi li huma marbuta direttament miegħu, fiż-żmien li kien President tal-MFA, kif ukoll dwar l-attwalitá tal-futbol Malti. Fost oħrajn, Darmanin Demajo ma żammx lura milli jgħid tiegħu meta kien mistoqsi biex jagħti ġudizzju għall-mod ta’ kif l-amministrazzjoni preżenti tal-MFA, taħt it-tmexxija ta’ Bjorn Vassallo, mexxiet l-affarijiet meta kellu jieqaf il-futbol milgħub sforz l-pandemija tal-COVID-19.

Bl-istil uniku tiegħu, Micallef se jkun qed jistaqsi direttament lil Darmanin Demajo dwar ir-relazzjoni li llum hu għandu mal-istess Vassallo, li kien tant kien qrib tiegħu fil-maġġoranza tas-snin li hu għamel bħala President tal-MFA, l-avukat Chris Bonett, li ukoll kien wieħed mill-persuni qrib Darmanin Demajo madankollu jidher li din ir-relazzjoni ma baqgħetx l-istess, kif ukoll mal-eks President tal-MFA, l-Avukat Joe Mifsud, li l-istess Darmanin Demajo kellu każ il-Qorti kontra tiegħu.

L-intervista ta’ Darmanin Demajo se tixxandar f’Replay ta’ nhar il-Ħadd li ġej, fid-8:45pm fuq Net Television.

Mingħajr dubju din għandha tkun intervista li kwalunkwé dilettant tal-futbol Malti m’għandux jitlef, anke għaliex din se tkun l-ewwel intervista bla aġenda ta’ Darmanin Demajo fil-media lokali wara li temm minn disa’ snin fit-tmexxija tal-akbar assoċjazzjoni sportiva f’Malta, l-MFA.

L-intervista ta’ Darmanin Demajo f’Replay, se tixxandar nhar il-Ħadd li ġej, fid-8:45pm fuq Net Television, bil-kollaborazzjoni ta’ Continental Cars.