Ambjent Lokali

Ekonomija Ħadra? Ikompli l-massakru f’Ħ’Attard

Il-Gvern Laburista qed jgħid li huwa favur l-ambjent… madanakollu waqt li kien qiegħed jippreżenta l-budget… preċiżament fl-istess ħin tad-diskors, siġar f’Ħ’Attard spiċċaw imqaċċta biex issir is-Central Link.

Fil-fatt, il-ġurnata tal-Budget se tibqa’ titfakkar bħala dik il-ġurnata li fiha nqerdu għal kollox siġar antiki li kienu jsebbħu t-triq ewlenija li minn Ħ’Attard twassal lejn ir-Rabat. Dan ħoloq rabja kbira mhux biss fost ir-residenti tal-lokal iżda anki fost persuni oħra li ta’ sikwit jużaw din ir-rotta

U quddiem dan l-isfreġju ambjentali, id-Deputat PM Chris Fearne qed jibqa’ jgħid li l-budget huwa favur l-ambjent.

“Imma fuq kollox dan huwa budget favur l-ambjent”

Il-qerda tas-siġar f’Ħ’Attard biddlet għal kollox l-estetika mill-isbaħ ta’ din it-triq.

Il-verità hi li fil-Budget, il-Gvern qisu ddejjaq jikteb il-kelma “siġar”. Tant hu hekk għamel referenza darba waħda biss għas-siġar.

Minkejja l-imħabba li l-Gvern qed jgħid li għandu lejn l-ambjent… bqajna naraw il-marki taż-żebgħa mas-siġar… li lkoll qed jistennew li jitqaċċtu…. u li l-poplu Malti u Għawdxi se jdum jistenna s-snin biex ikollu oħrajn bħalhom.