Lokali

“Frederick Azzopardi kien persuna li ħabb lil kulħadd”

Ħabb lil kulħadd … Il-kostitwenti sabu lil Frederick dejjem lest li jisma u jieħu azzjoni, anki biex ilibbes lill-persuna fil-ġenb tat-triq. Minkejja l-impenji tal-familja, huwa fetaħ dan l-orizzont għal dawn in-nies.”

Hekk saħaq Mons Eddie Zammit fl-omelija tal-quddiesa fir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann il-Battista tax-Xewkija l-Erbgħa waranofsinhar fejn ngħata l-aħħar tislima lid-Deputat Nazzjonalista, Frederick Azzopardi, li miet fl-età ta’ 71 sena s-Sibt li għadda, quddiesa li kienet iċċelebrata min-neputih, Dun Roberto Gauci.

Mons. Zammit qal li fi Frederick Azzopardi ta xhieda tal-imħabba tiegħu lejn il-Mulej u lejn Santa Marija, li tagħha kien devot, fit-22 sena tiegħu jservi lill-poplu Għawdxi fil-Parlament kif ukoll ma’ familtu, b’mod partikolari ma’ martu Carmen, u uliedu Luke, Moreen u Lara.

“Frederick serva b’imħabba u ma qgħadx jippriedka valuri Insara iżda għexhom hu, ikkonkretizza t-tagħlim tal-Knisja b’għemilu stess.”

Fil-qadi ta’ dmirijietu spikkaw il-virtujiet tal-maħfra, ir-rispett u l-qadi bla interess, kompla Mons. Eddie Zammit, iżda li bihom, qatt ma għamel kompromessi mal-kuxjenza Nisranija tiegħu, li fiha ħaddem il-prinċipju tal-ġid komuni u r-rispett lejn il-valur tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt,  u għal dan kellu jbati fis-skiet. Iżda fuq kollox, kien ipoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.

Preżenti għall-quddiesa kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Bernard Grech flimkien ma’ martu Anne Marie, mart il-President ta’ Malta, Miriam Vella, il-Prim Ministru, Robert Abela, l-iSpeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, kif ukoll għadd ta’ deputati u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

Fi tmiem il-quddiesa sar ir-rit funebri tat-tberik tal-katavru ta’ u ċ-ċeremonja kompliet f’forma privata bid-difna fiċ-Ċimiterja tal-Katidral ta’ Santa Marija fix-Xewkija. 

Intant, għall-ħabta tat-4pm, il-korteo funebri bit-tebut tad-Deputat Nazzjonalista, għadda minn quddiem il-Każin tal-Partit Nazzjonalista, fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex, fi triqtu mill-Isptar Ġenerali għax-Xewkija, fejn hemmhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali, Francis Zammit Dimech, poġġew fjuri fuq it-tebut ta’ Frederick Azzopardi fil-preżenza ta’ għadd ta’ Deputati Nazzjonalisti.

Il-korteo għadda wkoll minn quddiem il-każin tas-Soċjetà Filarmonika Leone, li tagħha Azzopardi kien bandist għal diversi snin.