Internazzjonali

Il-Covid-19 fil-Brażil: Mhux se jinxtara l-vaċċin miċ-Ċina

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, qal li l-Gvern tiegħu mhux se jixtri vaċċin għal kontra l-Covid-19 li qed timmanifattura ċ-Ċina. Bolsonaro qal dan wara li l-Ministru tas-Saħħa Brażiljan, Eduardo Pazuello, tenna li ‘il-vaċċin taċ-Ċiniżi’ kellu jiżdied mal-programm tat-tilqim nazzjonali fil-Brażil.

Qabel il-kumment xott ta’ Bolsonaro, il-Gvernatur ta’ Sao Paulo, Joao Doria, qal li l-Gvern federali kien qabel li jixtri mas-46 miljun doża tal-vaċċin CoronaVac u li l-programm tat-tilqim f’pajjiżu ‘kapaċi jibda minn Jannar li ġej.’

Iżda Bolsonaro, fl-aħħar sigħat, għamilha ċara li l-vaċċin inkwistjoni kien għadu ma għaddiex mill-provi dovuti, filwaqt li insista li ‘il-poplu Brażiljan mgħandu jservi bħala esperiment għal ħadd’.

Il-President saħaq wkoll li kwalunkwe vaċċin kontra l-Covid-19 irid ikun approvat mir-regolatur tas-saħħa fil-Brażil – bil-Ministeru tas-Saħħa fil-pajjiż, imbagħad jivverifika l-effettività tiegħu.

Il-vaċċin ‘miċ-Ċina’, bħalissa, qed ikun suġġett għall-provi fiċ-ċentru għal riċerka (l-Istitut ta’ Butantan) fl-Istat ta’ Sao Paulo.Rapporti oħra qalu li l-Brażil qed jaħseb ukoll biex juża vaċċin għal kontra l-Covid-19 li qed jipproduċu l-Università ta’ Oxford (tal-Ingilterra) u l-kumpanija tal-mediċina AstraZeneca.