Lokali Qorti

“Il-memorji bla prezz anke jekk investiment ta’ kważi €600,000 għeb” -Carmel Pace

“Il-memorji m’għandhom prezz u ma tistax tikkwantifikahom. It-tifkiriet ta’ marti ma hemmx prezz. Konna għamilna ħafna xogħol fid-dar li fiha konna noqgħodu. Konna nagħmlu l-affarijier kif suppost u minn stima tal-Perit l-investiment li għamilna jien u marti fid-dar ilaħħaq il-€593,000.”

Din ħareġ mix-xhieda ta’ Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam Pace li tilfet ħajjitha fit-2 ta’ Marzu li għadda meta iġġarrfet il-binja li kienet tgħix fiha il-vittma f’Santa Venera.

Pace kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud  fil-konfront ta’ żewġ Periti, kuntrattur u ħaddiem akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace meta ntradmet taħt it-terrapien wara li ġġarrfet id-dar tagħha.

Huwa xehed wara li permezz ta’ Perit kien mitlub jagħmel stima tad-dar li spiċċat gorboġ ġebel f’ħakka t’għajn. Qal li kien qed jagħti l-istima tiegħu fuq kwottazzjoni li kien għamillu l-Perit .

Fuq mistoqsijiet tal-Avukati Joe Giglio u David Bonello li qed jidhru bħala parte civile fil-każ Pace qal li l-Perit Joe Bugeja qasam il-kwotazzjoni tal-binja fi tnejn. Dwar jekk il-kwotazzjoni saritx fuq il-prezzijiet tal-lum jew ta’ meta nxtraw l-affarijiet huwa qal li l-Perit ħadem stima fuq dak inhar u anke kemm kieku jiswew fil-preżent.

Tenna li fejn jidħlu affarijiet tad-dar hu u martu dejjem kienu jagħmlu mill-aħjar li jistgħu. Sadanittant il-Qorti qalet li aktar dettalji għandhom jingħataw meta jixhed il-Perit Bugeja quddiemu.

Qabel ma xehed Pace, xehed Mario Buttigieg, espert imqabbad mill-Qorti dwar il-ħsara li ġarrbu l-karozzi ta’ Carmel Pace, li huwa ġar tal-istess raġel tal-vittma. Huwa qal li l-karozza li kienu fil-garaxx ġarrbu ħsara ta’ €12,800.

Qal li huwa ħadem il-formula kif jaħdmuha l-kumpaniji tal-assikurazzjoni. Dwar it-tliet inġenji li kien hemm fuq il-post, trakk u żewġ caterpillars tenna li dawn jinsabu Pembroke u kkonferma fuq domanda ta’ l-Avukat Roberto Montalto, wieħed mill-avukati tal-akkużati li aktar ma jdumu weqdin aktar se ssirihom ħsara.

Il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-Kuntrattur Ludvic Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiem Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba qegħdin jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace.

Il-Perit Camilleri għandu jiddefendih lill-Avukat Arthur Azzopardi, l-Perit Mangion lill-Avukat Alfred Abela, l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Spiteri filwaqt li Dimech għandu jiddeffenduh lil Roberto Montalto, Michael Scirha u Franco Galea. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello huma l-Avukati għan naħa tal-allegati vittmi. Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-12 ta’ Novembru li ġej.