Lokali

Il-proġett ta’ Burmarrad huwa prova ċara tal-inkompetenza u l-arroganza tal-Gvern

“L-inkompetenza u l-arroganza tal-gvern li rajna f’għadd ta’ proġetti infrastrutturali f’pajjiżna issa qed narawha wkoll fix-xogħolijiet li inbdew f’Burmarrad ukoll.”

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Tonu Bezzina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwni Vassallo, il-PN qal li din it-triq arterjali li jgħaddu minnha eluf ta’ vetturi kuljum mill-Mosta għal San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa inbdew xogħolijiet fuqha mingħajr ma kienu notifikati minn qabel il-Kunsilli Lokali tal-madwar li din it-triq tagħmel mit-territorju taghhom. Saħansitra saru jafu minn fuq il-mezzi soċjali, u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda pjan ta’ xejn sabiex jiġu kkomunikati rotot alternattivi għal min jagħmel użu minn dawn it-toroq. Għaldaqstant, f’ dawn il-ġranet rajna traffic jams kbar f’toroq oħrajn li kellhom jintużaw minflok; fiż-żona tas-Salini u fit-Telgħa ta’ Alla u Ommu. Dan ikompli juri n-nuqqas ta’ kordinament li qed ikun hawn fix-xogħol infrastrutturali, b’detriment għal-livell ta’ għajxien ta’ eluf ta’ nies li konsegwentament qed iqattgħu siegħat twal imwaħħlin fit-traffiku.

Il-proġett ta’ Burmarrad jikxef lat ieħor tal-gvern; dak tal-arroganza. Bdiewa li se titteħdilhom l-art sabiex tintuża għal dan il-proġett lanqas biss ġew avżati minn qabel, u minkejja l-appelli kontinwi tagħhom biex jitfasslu pjanijiet oħrajn sabiex ma jitilfux arthom, il-gvern baqa għaddej gaffa minn fuqhom. Il-gvern għandu jagħraf id-dover tiegħu li jissalvagwardja l-għajxien ta’ kulħadd, inkluż ta’ dawn il-bdiewa, li m’għandhomx jispiċċaw vittmi tal-proġetti ta’ Ian Borg. Għaldaqstant, l-oppożizzjoni titlob lill-Ministru Ian Borg biex jirrikunsidra l-proġett kif inhu ppjanat biex raba agrikola u ġwiebi eżistenti jiġu salvagwardjati.