Lokali Qorti

Koppja tingħata l-libertà proviżorja wara li tressqu fuq ħasil ta’ flus

Koppja ġew mixlijin quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq b’ħasil ta’ flus wara li skont il-Prosekuzzjoni kienu qegħdin jgħixu ħajja li tiżboq il-meżżi tagħhom.

Huma ġew mixlijin ukoll li evadew it-taxxa tad-dħul bid-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono li flimkien Marion Camilleri u Francesca Zarb deheru għalihom li dan huwa każ ta’ evażjoni ta’ taxxa u mhux ta’ ħasil ta’ flus.

Clint Vella u s-sieħba tiegħu Sylvana Fenech, it-tnejn ta’ 24 sena u t-tnejn li huma mill-Mosta wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġhubin kontrihom. Fenech taħdem bħala ‘hairdresser’.

Fis-sottomissjoni tiegħu għall-ħelsien mill-arrest l-Avukat Franco Debono qal f’każijiet ta’ evażjoni ta’ taxxa dawn jiġu riżolti b’mod amministrattiv. Minkejja l-Oppożizzjoni tal-Ispettur Oriana Spiteri li xliet lill-koppja li huma kkonvertaw propjetà għal għan kriminali u li qalet li tpoġġew  €90,000 f’kont bankarju.

Li fl-2014 xtraw propjetà bejniethom u l-fatt li Clint Vella kien qed jaħdem bħala ‘driving instructor’ meta kien imniżżel bħala diżokkupat, huma ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €20,000.

Clint Vella waħdu ġie mixli wkoll li qed jaħdem mingħajr ma nforma lill-awtoritajiet u kien qed jaħdem bla liċenzja tal-professjoni li kien qed jeżerċità. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet minn Oriana Spiteri li kienet mgħejjuna mill-Ispetturi Claire Borg, Keith Mallan, Danilo Francalanza u mill-Avukat Andrea Zammit għan-nom tal-Avukat Ġenerali.